L-omeliji m’għandhomx ikunu aktar minn 10 minuti

L-omeliji ma għandhomx ikunu itwal minn għaxar minuti u jkunu preparati sew. Dan l-appell għamlu l-Papa Franġisku fl-udjenza ġenerali tal-ġimgħa li għaddiet li fiha kompla jispjega d-diversi partijiet tal-quddiesa, din id-darba dwar il-Kelma t’Alla.
Hemm min jilmenta dwar il-kwalità tal-Omeliji fil-quddies tal-Ħadd. Il-Papa Franġisku ammetta li veru jista’ jkun hemm min jagħmel omeliji li ma jkunux ta’ livell u staqsa x’qed nagħmlu dwar dan. Min qed jisma’ wkoll irid jagħmel il-parti tiegħu.
Min imur il-quddies għandu jagħti attenzjoni speċjali għall-omelija u b’dispożizzjoni interjuri ġenwina filwaqt li jiftakar li kull predikatur għandu l-merti u l-limiti tiegħu.
“Jekk kultant tiddejjaq għax l-omelija tkun twila, jew għax l-omelija ma tkunx tinftiehem u mhux iffukata fuq il-qari, drabi oħra hu l-preġudizzju ta’ min qed jisma’ li joħloq l-ostaklu”, qal il-Papa.
Il-Papa Franġisku ilu ħafna mħasseb dwar l-omeliji.  Kull filgħodu, fil-quddiesa li jiċċelebra f’Santa Martha hu jagħmel omelija qasira spontanja. Parti kbira tal-eżortazzjoni appostolika tiegħu “Evangelii Gaudium”, meqjusa bħala l-Magna Carta tal-pontifikal tiegħu, għall-omelija.
L-omelija m’hix taħdita kwalunkwe, anqas konferenza jew lezzjoni imma hi mod kif “niftħu mill-ġdid id-djalogu bejn Alla u l-poplu”.
Hawnhekk il-Papa għamel xi suġġerimenti prattiċi lil min jagħmel l-omelija.
Min qed jagħti omelija jrid jiftakar li mhux qed jagħmel xi ħaġa tiegħu nnifsu. Hu qed jippriedka. Qed jagħti vuċi lil Alla, qed ixandar il-Kelma t’Alla. Trid tkun preparata tajjeb u qasira.
Il-Papa rrakkonta li  qassis darba qallu li mar fil-belt fejn kienu jgħixu l-ġenituri tiegħu u missieru qallu: ‘Kemm jien ferħan għax jien u sħabi sibna knisja fejn ma jagħmlux omelija fil-quddiesa’.  Hu staqsa kemm il-darba tara nies reqdin, jew ipaċpċu jew joħorġu barra jpejpu?
Filwaqt li l-udjenza tbissmet għal din l-istorja qasira l-Papa kien pront qalilhom: “Din verita’. Intom ilkoll tafu li din verita’”. Għalhekk il-Papa appella lis-saċerdoti biex l-omeliji ma jkunux itwal minn 10 minuti.