L-Ombudsman lest jinvestiga l-kontijiet tad-dawl – PN

Il-familji Maltin għadhom qed jinsterqu għad-dawl u l-ilma li jużaw minħabba li qed jirċievu kontijiet għoljin u aktar spissi.

Fi stqarrija l-PN qal li waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal li mill-mijiet ta’ kontijiet tad-dawl u ilma li l-familji ġabu għand il-PN, 80% kienu qed iħallsu aktar għad-dawl u l-ilma li jikkunsmaw.

Fi kliem Agius, uħud mill-familji kienu qed iħallsu bejn €40 u €600 aktar fuq medda ta’ sena. Żied jgħid li l-kontijiet se jerġgħu jogħlew meta jintemmu l-ftehimiet tal-gass fl-2022.

Il-kandidat tal-PN Michael Briguglio qal li ġie infurmat li l-Uffiċċju tal-Ombudsman lest li jinvestiga l-mod kif qed jinħarġu l-kontijiet. Spjega li din hija rebħa għall-PN.

Il-kandidat tal-PN Michael Mercieca qal li l-konsumaturi jistgħu jressqu talba lil Ombudsman biex jinvestiga “dan is-serq”.

Kontijiet 25% orħos – PL

Fi stqarrija l-PL qal li l-kontijiet illum huma 25% orħos minn kemm kienu fi żmien gvernijiet Nazzjonalisi.

Malta t-tielet mill-aħħar fl-investiment fir-riċerka – Borg Knight

Il-kandidata tal-PN għall-elezzjonijiet tal-PE Roselyn Borg Knight qalet li l-investiment fir-riċerka medika hua bżonnjuż għal Malta għax skont il-Eurostat, Malta tinsab it-tielet mill-aħħar fl-investiment fir-riċerka.

Il-kandidat Francis Zammit Dimech qal li l-UE għandha rwol importanti f’dan il-qasam għax permezz tal-fondi issir riċerka favur l-iżvilupp ta’ mediċini innovattivi li jiġġieldu l-kanċer.

Zammit Dimech qal li bħalissa hemm diskussjonijiet pendenti fuq regolament sabiex ikun hemm aktar kooperazzjoni fuq livell Ewropew meta jiġu valutati teknoloġiji tas-saħħa ġodda, fosthom mediċini innovattivi kontra l-kanċer.

Fi stqarrija, il-PN qal li se jaħdem fuq livell Ewropew sabiex iċ-ċittadini Maltin ikollhom aċċess għal mediċini innovattivi li jiġġieldu l-kanċer. Qal li se jimbotta ‘l quddiem master plan Ewropew.

Xogħol ħażin fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid – PN

Fi stqarrija, il-PN qal li llum l-Gvern għadda l-pjazza ċentrali ta’ Raħal Ġdid lill-Kunsill Lokali.

Skont il-PN, il-Kunsill aċċetta li jirċievi l-pjazza bix-xogħol ħażin li sar fuqha. Żied jgħid li dawn ġew iddikkjarati minn Perit. Qal li kemm il-Kunsill kif ukoll il-Gvern kienu jafu bihom. Skont il-PN, tneħħew ukoll 75 parkeġġ mingħajr alternattiva.

Il-PN qal ukoll li waqt iċ-ċerimonja, Deputat tal-Gvern ħeġġeġ lin-nies fid-diskors tiegħu biex is-Sibt li ġej juvvutaw għall-PL.