Aġġornata: “L-Ombudsman jista’ jinvestiga tilwim minn uffiċjali fl-Armata”

L-Imħallef Lawrence Mintoff dalgħodu kkonferma li l-Ombudsman, Joseph Said Pullicino, għandu l-awtorità jinvestiga tilwim li jsir minn uffiċjali tal-Armata.
Dan ġie deċiż wara nuqqas ta’ qbil bejn l-istess Ombudsman u l-Eks-Ministru għall-Intern, Manuel Mallia.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef saħaq li skont il-liġi, l-Ombudsman jista’ jinvestiga każijiet ta’ tilwim minn uffiċjali tal-Armata, ġa ladarba jkunu eżawriti l-alternattivi l-oħrajn kollha.
Il-każ tressaq mill-Ombudsman fil-konfront ta’ Manuel Mallia u s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney.
Il-kwistjoni bdiet wara għadd ta’ promozzjonijiet kontroversjali li saru f’Settembru tal-2013. L-iktar promozzjoni li spikkat kienet ta’ Jeffrey Curmi li fi ftit xhur, minn Maġġur laħaq Brigadier.
Dwar il-każ, l-Eks-Ministru kien insista li l-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni fuq uffiċjali tal-armata.  
L-Ombudsman kien stqarr li ma setax jifhem għalfejn il-Ministeru għall-Intern kien qed jirrifjuta li jikkopera biex toħroġ il-verità fuq il-promozzjonijiet fi ħdan l-Armata.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef qal li l-Ombudsman jista’ jipproċedi bl-investigazzjonijiet tiegħu u ordna lil Ministeru biex jipprovdi kull dokumentazzjoni li hemm bżonn. 
B'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li bis-sentenza tal-Qorti, il-Gvern ta' Muscat twaqqaf milli jkompli jimmina l-istituzzjoni tal-Ombudsman u appella lill-ħaddiema kollha, inkluż tal-Forzi Armati ta' Malta, biex iressqu l-ilmenti tagħhom ta' diskriminazzjoni u abbuż, quddiem l-Ombudsman.