L-Ombudsman jirrakkomanda aktar diskussjonijiet fil-Parlament

L-Ombudsman Parlamentari jiddiskuti t-tibdil fil-liġi mal-Kummissjoni Venezja

L-Ombudsman Parlamentari Anthony C. Mifsud appella biex il-Gvern isegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja biex il-Parlament jibda jiddiskuti l-opinjonijiet finali minflok kif qed jagħmel issa jiġifieri li jiddiskuti biss ir-rapport annwali.

Huwa qal dan f’laqgħa li kellu virtwalment mal-Kummissjoni Venezja li fiha ddiskuta l-proposti tal-Gvern dwar it-tibdiliet leġislattivi li bi ħsiebu jimplimenta. Dan minħabba li l-Gvern ippubblika r-risposta tiegħu lill-Kummissjoni Venezja dwar ir-rakkomandazzjonijiet li saru f’Diċembru 2018, f’ittra bla data ppubblikata fit-13 ta’ Mejju mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.

L-Ombudsman innota li r-rakkomandazzjoni tal-Gvern hija limitata biss li tiddiskuti r-Rapport Annwali li hija pubblikazzjoni li fiha tingħata ħarsa ġenerika lejn il-ħidma li jwettqu l-Ombudsman u l-Kummissarji matul is-sena li dwarha jitħejja r-rapport.  Dan ma jsegwix il-proposta li saret fl-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja li irrakkomandat illi l-Parlament għandu jkun obbligat illi jiddiskuti r-rapporti li jiġu indirizzati lilu mill-Ombudsman. 

Meta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman biex jingħata rimedju adegwat jibqa’ pendenti jew saħansitra ma jiġix aċċettat, minn żmien għal żmien, l-Ombudsman u l-Kummissarji jibgħatu kopji tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet lill-Kamra tad-Deputati.

L-Ombudsman jisħaq u jibqa’ jinsisti illi hija l-Kamra tad-Deputati li għandha finalment tiddeċiedi jekk l-Opinjoni tal-Ombudsman u tal-Kummissarji, li huma uffiċjali tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet magħmula minnhom biex jirrimedjaw l-inġustizzja amministrattiva, jistħoqqilhom illi jiġu diskussi b’mod illi jiġi determinat jekk kienux korretti u kellhomx jiġu sostnuti.

Għalhekk hu rrakkomanda li l-ispeaker jirreferi r-rapporti mibgħuta lilu mill-Ombudsman lil dak il-Kumitat tal-Kamra li jidhirlu xieraq u dan għandu jiġi segwit minn dibattitu statutorju li jkun skont l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.

L-Ombudsman qal ukoll li l-Gvern m’għamilx referenza dwar sitwazzjoni oħra riferuta mill-Kummissjoni Venezja li qalet l-Ombudsman Parlamentari u l-Kummissarji tiegħu għandu jkollhom aċċess xieraq għall-informazzjoni mill-amministrazzjoni pubblika biex iwettqu investigazzjoni xierqa tal-ilmenti.

L-Ombudsman qal ukoll li l-provvedimenti li jirregolaw l-Uffiċċju tal-Ombudsman u dak tal-Awditur Ġenerali għandhom jinġabru flimkien u jitqiegħdu f’titolu separat immedjatament wara dawk li jirregolaw il-Parlament. Stqarr li l-Kostituzzjoni għandha tirrikonoxxi l-istatus tagħhom bħala awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Parlament, li huma fdati minnu sabiex jivverifikaw li l-azzjonijiet tal-Eżekuttiv jikkonformaw mal-leġislazzjoni mdaħħla fis-seħħ mill-istess Parlament u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt għall-amministrazzjoni pubblika tajba.