L-Ombudsman jirċievi inqas ilmenti mis-sena li għaddiet

L-Ombudsman Anthony C. Mifsud irraporta li fl-ewwel tmien xhur tas-sena resqu għandu 336 ilment ġdid, li huwa tnaqqis ta’ 10.4% fuq l-istess perjodu fl-2016.
L-ilmenti li ġew ittrattati;  227 ilment mill-Ombudsman Parlamentari; 10 ilmenti mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni; 59 ilment mill-Kummissarju għas-Saħħa u 40 ilment mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar.
F’rapport ta’ ħidma 2016 sallum u ħarsa lejn l-2018, l-Ombudsman qal li l-uffiċċju għalaq b’kollox 305 każ, li ukoll ifisser tnaqqis ta’ 37.5% fuq l-istess perjodu fl-2016.
Mit-305 każi li ngħalqu, 206 każi ngħalqu mill-Ombudsman Parlamentari; 32 każ mill-Kummissarju għas-Saħħa; 51 każ mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar u 16-il każ mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni.
Tliet kwarti tal-Ilmenti fil-qasam tal-Edukazzjoni ma kinux ġustifikati. Fil-qasam tas-saħħa in-numru ta’ kawżi ġustifikati ammontaw daqs dawk li ma ntlaqghux.
Il-maġġoranza tal-ilmenti li rċieva l-Ombudsman Parlamentari kienu allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġustizzja jew bilanċ. Dan żiedu sew meta mqabbel mal-2016.
L-Ombudsman innota li komplew jonqsu l-ilmenti dwar azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li kienet kontra l-liġi jew applikazzjoni riġida tar-regoli, regolamenti u proċeduri. Naqsu ukoll l-ilmenti dwar nuqqas ta’ trasparenza.
L-akbar numru ta’ lmenti (60%) li ttratta l-Kummissarju għall-Edukazzjoni kienu dwar trattament mhux ġust jew diskriminatorju, dawn jinkludu wkoll trattament inġust fejn jidħlu stipendji, għoti ta’ boroż ta' studju u kif ukoll ilmenti b’element akkademiku u mhux akkademiku.
L-Ombudsman jintalab ukoll diversi pariri u bejn Jannar u Awwissu 2017, kien hemm 332 persuna li talbu assistenza lill-Uffiċċju talOmbudsman. Paragun mas-sena 2016, kien hemm tnaqqis ta’ 16.8% fin-nies li irrikorrew għand l-Ombudsman għal parir.
L-uffiċċju tal-Ombudman jiswa’ € 1,200,000 fis-sena, il-maggoranza s-salarji tat-22 impjegat.
Tista' taqra r-rapport sħiħ hawn taħt.