L-Ombudsman jintervjeni biex infermiera rtirata titħalla taħdem

L-Uffiċċju tal-Ombudsman intalab jintervjeni biex infermiera fl-Isptar Mater Dei tkompli taħdem wara l-età tal-irtirar.
Dan wara li d-Dipartiment tas-Saħħa aċċetta r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għas-Saħħa u reġa’ impjega lill-infermiera.
Infermiera impjegata fl-Isptar Mater Dei li kienet applikat biex tkun tista’ tibqa’ tagħmel ix-xogħol tagħha anke wara li tilħaq l-età tal-irtirar.
L-amministrazzjoni tal-Isptar kienet irrifjutat l-applikazzjoni tagħha mingħajr ma tatha l-ebda spjegazzjoni.
L-infermiera ħassitha li ġiet trattata ħażin u li d-dipartiment kien mexa b’mod inġust għaliex infermiera oħra li kienu ferm aktar avvanzati fl-età minnha, kienu kisbu l-approvazzjoni mingħajr ebda problema. Għalhekk iddeċidiet li tressaq ilment quddiem l-Ombudsman u titlob rimedju.
Jintervjeni meta ħaddiema tal-Gvern intalbet tħallas lura l-qualification allowance
F’każ ieħor separat, l-istess uffiċċju ntalab jintervjeni minħabba li impjegata fil-Ministeru għas-Saħħa applikat sabiex tingħata l-qualification allowance għal Diploma li kienet kisbet fil-Livell 3, ġie aċċettat iżda ftit wara li ħarġu regoli ġodda u ma kinitx eleġibbli aktar, intalbet tħallas is-somma ta’ €1,900.
Bl-intervent tal-Iuffiċċju tal-Ombudsman, id-Dipartiment tas-Saħħa aċċetta l-konklużjonijiet u rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għas-Saħħa u l-impjegata kellha tħallas lura s-somma ta’ kważi €600 minflok €1,900 li ntalbet tħallas oriġinarjament.

Il-Każijiet fil-Qosor ippreżentati lill-Ispeaker
Dawn il-każijiet ħarġu mill-ġabra tal-Każijiet fil-Qosor li l-Ombudsman Parlamentari ippreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Il-Każijiet fil-Qosor hija pubblikazzjoni annwali li titħejja kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u tagħti ħarsa lejn il-ħidma tal-Ombudsman u tal-Kummissarji għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi. 
L-għan tal-pubblikazzjoni hija sabiex b’mod ġenerali jingħata rendikont dwar il-funzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, in-natura tal-każijiet imressqa, l-proċess imħaddem fl-investigazzjonijiet, ir-rimedju rakkomandat meta huwa meħtieġ u xieraq, kif ukoll il-ħidma li titwettaq sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula.
Il-Każijiet fil-Qosor huma siltiet minn Opinjonijiet Finali li jagħtu indikazzjoni tal-proċeduri dettaljati u bir-reqqa li bil-liġi huma marbuta li jsegwu l-Ombudsman, il-Kummissarji u l-Uffiċjali Investigaturi tagħhom.
Tista’ taqra kopja tal-Każijiet fil-Qosor 2017 hawnhekk: