L-Ombudsman Ewropew se tinvestiga disa’ istituzzjonijiet Ewropej

L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly se tmexxi investigazzjoni fuq ir-regoli tal-whistleblower f’disa’ istituzzjonijiet Ewropej.
Għaldaqstant din l-investigazzjoni mhix se tolqot il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew għall-Investiment.
Regoli ġodda li daħlu fis-seħħ f’Jannar li għadda jistabilixxu l-ħolqien ta’ strutturi interni u legali fejn persuni jistgħu iressqu l-ilmenti tagħhom jew ħjiel dwar każi ta’ frodi, imġieba mhux xierqa u affarijiet oħra li jistgħu ikunu relatati ma’ korruzzjoni f’dawn l-istituzzjonijiet.
Fost l-istituzzjonijiet li se jgħaddu minn din l-investigazzjoni hemm il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Din mhux l-ewwel darba li saret investigazzjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea dwar każi ta’ whistleblower.
Fl-1999 wara li ġew irraputati każi ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter fil-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissarji kollha Ewropej kienu irriżenjaw f’daqqa.
Fl-2004, il-Kummissjoni kienet ukoll keċċiet iċ-Chief Accountant wara tbagħbis fil-kontijiet tal-fondi Ewropej.
Għalkemm din l-investigazzjoni mhix se ssir fil-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew għall-Investiment, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew ma eskludiex li fiż-żmien li ġej issir investigazzjoni fuqhom ukoll.