L-Olokawst fis-Sixth Form ta’ Għawdex

L-Iskola tas-Sixth Form ta’ Għawdex Sir Mikelanġ Refalo se tvara l-ewwel mafkar tal-Olokawst f’Għawdex.
Iddisinjat mill-artist Għawdxi Mario Cassar, għalliem tal-Visual Arts fl-istess skola, il-mafkar se jitqiegħed fil-Kampus irrinovat fir-Rabat, Għawdex.
Għoli erba’ metri bi tmien metri wisa’, il-mafkar se jkun magħmul mill-konkrit b’tinqix li jirriflettu l-idejn umani.
Għal għadd ta’ snin, kull nhar is-27 ta’ Jannar, l-Iskola Sir Mikelanġ Refalo tikkommemora l-Ħelsien mill-Kamp ta’ Konċentrament ta’ Auschwitz.
Dan l-Istitut edukattiv jemmen li għandu joffri l-opportunità lill-istudenti biex jitgħallmu u jirriflettu dwar dan il-ġenoċidju li seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fi kliem il-Kap tal-Iskola Daniel James Cassar, “il-mafkar għandu jkun punt ta’ referenza għal kull ġenerazzjoni li tielgħa biex qatt ma tinsa l-lezzjonijiet kbar li l-bniedem tgħallem mill-imgħoddi tiegħu.”