L-Olimpjadi huma mument tajjeb biex tiltaqa’ m’Alla

Mons. Melchor Sanchez de Toca, Kap tal-Delegazzjoni tas-Santa Sede għal-Logħob Olimpiku tal-Korea t’Isfel, qal li l-Olimpjadi huma mument tajjeb biex wieħed jiltaqa’ ma’ Alla.
Din hi l-ewwel darba li s-Santa Sede kienet mistiedna uffiċjalment biex tattendi bħala Osservatur, filwaqt li fl-aħħar olimpjadi ta’ Rio, l-istedina kienet fuq bażi personali.
Dan hu pass 'il quddiem fir-relazzjonijiet bejn il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura.
Il-fatt li din id-darba l-preżenza tal-Vatikan kienet fuq stedina uffiċjali jkompli jsaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet.
F’intervista li ta lil “Zenit”, Mons. De Toca qal li bħala “Osservaturi” huma kienu limitati li jattendu u jieħdu sehem fil-ħajja tal-Familja Olimpika fil-ġranet ta’ qabel il-ftuħ uffiċjali.
Il-ħidma fis-sessjoni plenarja kienet miftuħa ħafna u kienet tvarja minn sanzjonijiet kontra r-Russja sa diskussjoni fuq l-Olimpjadi taż-Żgħażagħ li se jsiru dalwaqt, u rakkomandazzjoni biex ikun hemm aktar parità bejn in-nisa u l-irġiel fl-isport.
Id-Delegazzjoni tal-Vatikan ma kenitx waħda kompetittiva. Il-Vatikan mhux pajjiż fis-sens normali tal-kelma u ma jfittixx li jikkompeti ma’ oħrajn la fl-isport u anqas fuq livell ekonomiku.
Madankollu jeżistu realtajiet differenti fl-isport u dan hu importanti anke għal xi ħadd li jaħdem fil-Vatikan.
"Aħna fil-Vatikan nilagħbu l-futbol u issa għandna wkoll il-Klabb tal-Atletika tal-Vatikan. Fil-Korea t’Isfel tajna lill-President tal-Kumitat Olimpiku u lill-atleti Koreani t-shirts tal-Klabb tagħna, bħala espressjoni tal-isport prattikat fil-Vatikan", qal il-Monsinjur.
Mistoqsi jekk hemmx atleti li għalihom fil-prattika tal-isport il-fidi għandha importanza, ir-rappreżentant tal-Vatikan sostna li minn dejjem kien hemm atleti b’fidi soda.
L-ambjent tal-Logħob Olimpiku – bil-ferħ u l-eżaltazzjoni li jġib miegħu l-isport – hu mument favorevoli biex wieħed jiltaqa’ m’Alla, speċjalment f’mumenti qabel tibda l-kompetizzjoni meta l-atleta jrid ikejjel lilu nnifsu mal-limitazzjonijiet tiegħu. Il-kappillani tal-Villaġġ Olimpiku jew diretturi spiritwali tat-timijiet jixhdu dan.
Hemm atleti li jgħixu l-fidi tagħhom bla biża’ u huma konxji tal-missjoni tagħhom f’nofs sħabhom. F’oħrajn il-fidi tinżamm aktar moħbija u intima, għalkemm titraduċi ruħha f’ġesti u sinjali reliġjużi, bħas-sinjal tas-salib. 
Hemm ħafna stejjer, imma forsi l-aħjar eżempju nsibuh fil-film “Chariots of Fire”, fejn hemm djalogu kostanti bejn l-isport u l-fidi. Hemm atleta li jgħid li “meta nkun qed niġri l-Mulej jitbissimli”. Din frażi żgħira li fiha t-teoloġija kollha tal-isport, li San Irineus jispjega: “il-bniedem ħaj hu l-glorja t’Alla. Il-ħajja tal-bniedem hi Alla”.
Dwar is-sinjifikat li l-atleti miż-żewġ Korei mmarċjaw flimkien, Mons. De Toca qal li fl-indirizz tal-ftuħ tas-sessjoni Olimpika, il-President tal-Kumitat Olimpiku qal li dan il-fatt kien suċess żgħir tad-diplomazija olimpika.
“L-isport mhux se joħloq il-paċi, imma ġesti żgħar bħal dan jistgħu jwittu t-triq għall-paċi dejjiema. L-atleti għamlu l-parti tagħhom.  Issa jmiss lill-politiċi li jesplojtjaw din l-opportunità."
Fil-Villaġġ Olimpiku hemm żona riżervata għall-prattika tar-reliġjon bi kmamar għat-talb u l-meditazzjoni u l-quddies. Xi timijiet ikollhom id-direttur spiritwali tagħhom, fosthom it-Taljani, l-Awstrijaċi u anke l-Korea t’Isfel.
Fit-tim Korean minn 120 atleta, 15 huma Kattoliċi. Il-kappillani jkunu hemm biex jgħinu lill-atleti kemm f’mumenti ta’ dwejjaq u anke fil-ferħ. Mument importanti hu l-quddiesa u anke l-qari mill-Bibbja.
Ikun hemm ħafna attività reliġjuża li ma tidhirx.