Professur Ġappuniż tal-mard infettiv ma tantx jemmen li l-Logħob Olimpiku li kellu jsir din is-sena f’Tokjo issa se jsir is-sajf li ġej.
“Jiena pessimist ħafna dwar l-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku tas-sajf li ġej sakemm ma jkollokx il-Logħob Olimpiku fi struttura totalment differenti. Pereżempju ma jkunx hemm udjenza jew inkella l-parteċipazzjoni tal-atleti u l-avvenimenti sportivi jkunu limitati ħafna,” qal Kentaro Iwata, professur fl-Università ta’ Kobe waqt telekonferenza nhar it-Tnejn li għadda.
Iwata qal li ma jantiċipax li l-virus se jkun ikkontrollat mad-dinja kollha fil-ħin għal-logħob li kien skedat mill-ġdid għat-23 ta’ Lulju 2021 minħabba l-pandemija.
“Biex inkun onest ma naħsibx li l-Olimpjadi x’aktarx isiru s-sena d-dieħla,” qal Iwata. “Biex l-Olimpjadi jsiru kif suppost jkunu meħtieġa żewġ kundizzjonijiet: li jkun kontrollat il-COVID-19 fil-Ġappun u jkun kontrollat il-COVID-19 f’kull parti tad-dinja.”
John Coates, membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-ġimgħa li għaddiet qal li d-data l-ġdida ntgħażlet bit-tama li jingħata żmien biżżejjed lill-grupp organizzattiv Ġappuniż biex jiddetermina l-loġistika ta’ kif se jirnexxilu jorganizza l-logħob minkejja theddida potenzjali tal-virus.