​L-Olanda tliet gowls u t-tielet post

Mill-istadjum nazzjonali ta’ Brasilia, l-Olanda kisbu rebħa ta’ 3-0 fuq il-Brażil li poġġiethom fit-tielet post f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Wara biss żewġ minuti, Thiago Silva waqa’ lil Robben waqt li kien dieħel fil-kaxxa u r-referì ordna l-penalti.
Din kienet deċiżjoni diskuttibli għax il-fawl sar iżda beda minn barra l-kaxxa u peress li Robben kien waħdu f’okkażjoni ta’ skor, kellu jkeċċi lil Thiago Silva u mhux jagħtih il-karta s-safra.
Mill-11-il metru Van Persie għeleb għal kollox lil gowlkiper Brażiljan Julio Cesar.
Għal darb’oħra l-Brażiljani reġgħu dehru dgħajfa fid-difiża u mill-ewwel dehret li kienet ġejja telfa oħra għalihom.
Fis-17-il minuta, Robben ta lura lil De Guzman fejn dan ta l-kross u David Luiz b’daqqa ta’ ras ta l-ballun fuq platt tad-deheb lil Blind li għamilhom 2-0 għall-Oranje.
L-Olandiżi komplew jikkontrollaw il-partita sal-aħħar, filwaqt li l-Brażiljani kienu ineżistenti.
Fil-91 minuta, Robben żamm il-ballun fuq in-naħa tal-lemin, sakemm dendel ballun sabiħ li ġie fejn kien hemm Wijmadum li bla ħniena tefa’ l-ballun fix-xibka u għamilhom 3-0.
B’hekk l-Olandiżi meritatament ħadu l-midalja tal-bronz, filwaqt li l-Brażiljani jridu jinsew din l-avventura qarsa jew aħjar jirriflettu fuqha u jibdew ir-restawr imminenti tat-tim.
Mill-istadjum ta’ Maracana f’Rio De Janeiro, nistennew il-finalissima bejn l-Arġentina u l-Ġermanja li tibda fid-9pm.