L-Olanda testendi l-lockdown sa nofs Diċembru

Il-Prim Ministru ta’ l-Olanda Mark Rutte nhar it-Tlieta saħaq li l-miżuri ta’ lockdown li qed ikunu mposti fuq il-parti l-kbira tal-pajjiż hemm bżonn li jibqgħu fis-seħħ sa nofs Diċembru, avolja dan l-aħħar kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet ġodda.

“Dak li rnexxielna niksbu flimkien huwa xi ħaġa sabiħa ħafna,” qal Rutte waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet hekk kif uffiċjali mill-qasam tas-saħħa kienu għadhom kemm ħabbru tnaqqis ta’ 15% fl-għadd ta’ każijiet ġodda matul din l-aħħar ġimgħa.

“Iżda ħarsa madwar l-Ewropa bħalissa, tagħtina stampa mhux daqshekk sabiħa”, kompla jgħid, “fejn ħafna mill-pajjiżi qed ikomplu jsaħħu l-miżuri minflok itaffuhom.”

Aktar kmieni nhar it-Tlieta, l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa (RIVM) waqt l-aġġornament ta’ kull ġimgħa, ħabbar li kien hemm 37,706 każ ġdid fil-ġimgħa ta’ Novembru 17, l-iżgħar għadd mill-bidu ta’ Ottubru.

“Għaldaqstant l-għadd ta’ nies li qed jittestjaw pożittivi għadu għoli,” qal l-Istitut tas-Saħħa RIVM, b’aktar minn 150 infezzjoni għal kull 100,000 persuna f’kważi kull reġjun tal-pajjiż.

L-Olanda kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej lli f’nofs Ottubru daħlu fit-tieni lockdown parzjali u l-gvern ta’ Rutte kompla jsaħħaħ il-miżuri fit-3 ta’ Novembru, ftit wara l-għadd ta’ każi ta’ kuljum kien laħaq il-11,000 nhar it-30 ta’ Ottubru.

Bħalissa, ħadd ma jista’ jiltaqa’ fil-pubbliku, il-maskri tal-wiċċ huma “rakkomandati ħafna” ġewwa l-ħwienet, u r-ristoranti jistgħu joperaw biss bħala takeaway. L-iskejjel baqgħu miftuħin.

Rutte nhar it-Tlieta qal li l-pajjiż mistenni joħroġ minn din il-kriżi fl-2021 permezz ta’ “l-għoti tal-vaċċin lil ħafna nies, mediċini tajbin u iżjed ittestjar b’mod aktar mgħaġġel.”

Bħalissa hemm 2,146 pazjenti bil-COVID-19 fl-isptarijiet madwar l-Olanda, b’576 minnhom fil-kura intensiva. Is-sistema medika fil-pajjiż sabet ruħa taħt ħafna pressjoni u l-proċeduri ta’ kuljum bħalissa twaqqfu, għaldaqstant jidher li mhux se jkun hemm nuqqas ta’ sodod.

Il-ħin li fih isir it-testing u l-għadd ta’ testing, tjiebu u din il-ġimgħa, l-awtoritajiet fetħu ċentru ta’ testing ġdid f’Utrecht, it-tieni wieħed minn seba’ ċentri ġodda li se jinfetħu madwar il-pajjiż kollu.