L-Olanda teskorta u tkeċċi Ministru Torka

It-tensjoni bejn it-Turkija u l-Ewropa reġgħet telgħet fil-quċċata. 
Dan wara li l-Olanda ma ħallietx l-ajruplan tal-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin jinżel fl-ajruport u lanqas lill-Ministru Tork għall-Familja, milli tidħol fil-konsulat tat-Turkija f’Rotterdam, u tieħu sehem f’mass meeting mat-Torok fuq ir-referendum tax-xahar id-dieħel.
F’messaġġ fuq Twitter, waqt li l-awtoritajiet Olandiżi kienu qed jeskortawha lejn il-fruntiera mal-Ġermanja biex titkeċċa mill-pajjiż, il-Ministru Torka, Fatma Betul Sayan Kaya, kitbet li l-Olanda qed tuża metodi faxxisti, li jirfsu l-valuri demokratiċi u umani”.
Għadd ta’ ministri Torok qed imorru f’pajjiżi differenti biex jiltaqgħu mal-ħaddiema Torok li jistgħu jivvutaw sabiex fir-referendum tas-16 ta’ April, jagħtu aktar poter lill-President Tork, Recep Tayyip Erdogan.
Intant, mijiet ta’ dimostranti favur it-Turkija kellhom xi jgħidu mal-pulizija Olandiża fil-ħin li l-awtoritajiet kienu qed jippruvaw itemmu l-manifestazzjoni li bdiet quddiem il-konsulat ta’ Rotterdam.
Skont il-mezzi tax-xandir Olandiżi, deċiżjoni bħal din qatt ma ttieħdet fil-pajjiż, għall-inqas wara l-gwerra.