L-OHSA qed tiffoka fuq il-kostruzzjoni biex nevitaw traġedja oħra – Fearne

Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-OHSA, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, qed tagħti importanza kbira lis-settur tal-kostruzzjoni biex tkun evitata traġedja oħra.

Fil-Parlament, Fearne spjega li ta’ kull sena l-OHSA torganizza kampanji ta’ spezzjonar li jindirizzaw problemi fis-settur b’mod olistiku, kif ukoll twassal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni lil kull min ikun jista’ jeħtieġha. Dan isir permezz tal-organizzar ta’ seminars u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni u gwidi.

Hu qal li s’issa kienu organizzati mhux inqas minn 12-il seminar li kienu jindirizzaw suġġetti differenti ta’ interess għas-settur tal-kostruzzjoni. Dawn barra attività li ssir ta’ kull sena indirizzata lejn periti li jkunu għadhom kif iggradwaw, u dan biex ikunu infurmati dwar il-qafas legali u biex ikunu mħeġġa jieħdu sehem iktar attiv fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà.

Spjega li barra minn hekk, l-OHSA ippubblikat 18-il dokument gwida ta’ interess għas-settur. Il-mistoqsija kienet il-miżuri li se jieħu l-Gvern biex jevita traġedji oġra fuq sit tal-kostruzzjoni.

Fearne kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.