L-OHSA ma tiċċertifikax bini għall-miżuri kontra l-Covid-19

Aġġornat 12:15 PM
DOI: Clifton Fenech

Read in English.

Aġġornata b’reazzjoni mill-Ministeru tal-Edukazzjoni

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ma tiċċertifikax binjiet jekk ikunux konformi ma’ miżuri restrittivi mmirati biex irażżnu l-imxija tal-Covid-19. L-OHSA kkonfermat dan ma’ Newsbook.com.mt bl-Ingliż.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ġie kkwotat jgħid li spetturi indipendenti li ġew approvati mill-OHSA qiegħdin fil-proċess li jżuru kull skola sabiex jiġi żgurat li l-protokolli mħabbra jkunu implimentati skont il-linji gwida stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa. Skond il-Ministru l-iskejjel li ma jiksbux l-imsemmi ċertifikat ma jitħallewx jilqgħu lill-istudenti.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li kull ħaġa li hija relatata mal-coronavirus taqa’ taħt il-mandat tas-saħħa pubblika u tkun f’idejn l-ispetturi tas-Saħħa Ambjentali aktar milli l-OHSA.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci qal ma’ Newsbook.com.mt li “ma’ hemm l-ebda sistema jew proċess għaċ-ċertifikazzjoni mill-OHSA ta’ bini, inkluż dwar Covid-19”.

L-entità nazzjonali hija responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’Malta. Skont is-sit tal-awtorità, din hi magħmula minn membri tal-bord innominati mill-Ministru b’konsultazzjoni ma’ membri li huma prinċipalment rappreżentati minn min iħaddem, impjegati u unjins.

Il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel ittardja. Studenti fl-iskejjel tal-istat u tal-knisja li kellhom jirritornaw l-iskola bħal-lum iżda l-ftuħ tal-iskejjel kellu jiġi pospost wara li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ddeċieda li jipposponi l-ftuħ b’ġimgħa.

L-għalliema rritornaw l-iskola nhar it-Tnejn filgħodu iżda l-istudenti se jirritornaw fil-klassijiet tagħhom b’mod mqassam bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru.

Uħud mill-iskejjel privati fetħu l-bibien tagħhom għall-istudenti.

Reazzjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni

Wara l-publikazzjoni tal-artiklu, il-Ministeru bagħat din il-kjarifika:

1.         Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, bħala miżura ulterjuri ta’ serħan il-moħħ għall-ġenituri, studenti, edukaturi u ħaddiema fl-iskejjel għażel li jagħmel sejħa għal risk assessors professjonali u indipendenti biex jispezzjonaw kull skola u jiċċertifikaw jekk dawn humiex compliant mal-miżuri rikjesti fil-protokolli tal-awtorità tas-saħħa pubblika għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel;

2.         Sabiex jiġi assigurat is-serħan il-moħħ, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għażel li dawn ir-risk assessors ikunu reġistrati bħala Persuni Kompetenti mal-OHSA;

3.         Għalhekk ir-risk assessments twettqu minn dawn il-persuni indipendenti;

4.         Il-Ministeru huwa kommess li jibqa’ jaħdem id f’id mal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika sabiex l-istudenti jissoktaw l-edukazzjoni tagħhom fil-klassi f’ambjent fejn ir-riskji jkunu minimizzati kemm jista’ jkun.