L-OHSA ma taqbilx mal-NAO dwar is-sħana u l-inċidenti fil-kostruzzjoni

Fi stqarrija ta’ erba’ paġni, l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol irreaġixxiet għal dak li qal l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali lbieraħ dwar inċidenti fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Waqt li qalet li se tevalwa r-rapport fid-dettall biex tara jekk rakkomandazzjonijiet imsemmija jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni, l-awtorità saħqet li hemm prinċipji li għaliha mhumiex negozjabbli peress li jirriflettu standards Ewropej dwar il-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-awtorità qalet li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma fehemx ta’ min hi r-responsabiltà għal saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fil-qasam tal-kostruzzjoni li hu meqjus, madwar id-dinja, bħala qasam ta’ riskju għoli anke jekk jiġu segwiti r-regoli kollha dwar sigurtà.
Saħqet li hu simplistiku li tgħid li l-kaġun prinċipali tal-inċidenti hi s-sħana waqt li spjegat li l-fatt li hemm ħaddiema mhux reġistrati f’dan is-settur iwassal biex ma tkunx tista’ ssir analiżi dettaljata.
Waqt li rrikonoxxiet li għandha problema ta’ riżorsi limitati, saħqet li s-soluzzjoni għall-qasam mhux li jkollha l-ħaddiema meħtieġa imma li l-istrateġija tagħha tintlaqa’ u tiġi implimentata fuq medda ta’ żmien.