L-OHSA bi twissija fuq informazzjoni falza li qed tintbagħat lill-periti

Read in English.

L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) qiegħda twissi dwar provditur tas-servizz privat li qiegħed jipprovdi lill-periti u lil professjonisti oħra fl-industrija tal-kostruzzjoni b’informazzjoni skorretta.

Fi stqarrija, l-OHSA avżat li dan il-provditur qiegħed jallega li l-iskills card se ssir mandatorja fuq is-siti tal-kostruzzjoni kollha. Fl-email mibgħut, il-provditur jgħid li jrid isir taħriġ speċifiku biex wieħed jakkista din il-card, u li hemm multa imposta minn liġi tal-OHS għal min ma jkollux. Fl-email jingħad li l-applikazzjonijiet għat-taħriġ imsemmi jridu jidħlu għand il-provditur tas-servizz.

L-Awtorità kjarifikat li hi mhix involuta fis-sistema ta’ cards tas-sigurtà, inizjattiva tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini li jaqa’ taħt l-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni. Ġie enfasizzat ukoll li l-avviż legali msemmi mill-provditur tas-servizz ma jirreferix għal cards tas-sigurtà.

Żiedet tgħid li l-Att tal-OHSA jitlob taħriġ speċifiku għal kull biċċa xogħol u għal kull post tax-xogħol, u li l-card tas-sigurtà ma tissodisfax dawn l-obbligi.

B’hekk l-OHSA kkundannat informazzjoni falza bil-għan li tieħu vantaġġ min-nies. Hija ħeġġet lil min jirċievi dan il-messaġġ biex jinjorah.