L-ogħla offerta għall-isptar prefabrikat hi ta’ €29 miljun

Read in English.

Skont dokumenti fuq il-websajt tal-Ministeru għas-Saħħa l-ogħla offerta li rċieva l-Gvern għall-installazzjoni tal-isptar il-ġdid prefabricated hi ta’ €29,000,000. Il-Gvern irid li jinbena dan l-isptar biex ikun jista’ jilqa’ għal kull eventwalità jew il-każi ta’ coronavirus jiżdiedu.

F’dokument ippubblikat fuq is-sit tal-Ministeru għas-Saħħa, ġew elenkati l-offerti li rċieva l-Gvern għal dan l-isptar li mistenni jiġi installat f’żona ta’ parkeġġ qrib Mater Dei. Skont l-informazzjoni pubblikata fuq dan is-sit jirriżulta li l-Gvern irċieva 22 applikazzjoni iżda kien hemm numru minnhom li bagħtux l-informazzjoni finanzjarja.

L-ogħla u l-irħas offerta

Filwaqt li l-ogħla offerta hi ta’ €29,000,000 l-aktar waħda rħisa hija ta’ ftit jinqas minn €4,000,000. Il-Gvern qal li rċieva ż-żewġ offerti fis-26 ta’ Marzu fl-10.28am u fis-1.51pm rispettivament. Id-data tal-għeluq kienet is-26 ta’ Marzu. Fid-dokument oriġinali kien inkiteb li l-ħin tal-għeluq huwa ”10.00a.m. noon”.

Meta wħud mill-bidders staqsew għall-kjarifika kienu infurmati illi l-offerti jintlaqgħu sal-10am. Kien hemm aktar minn 27 talba għal kjarifika. Diversi staqsew biex jingħataw aktar dettalji. Kemm-il darba ma ngħatawx id-dettalji mitluba. Ir-risposta tal-uffiċjali tal-Gvern kienet tgħid biss illi kull kumpanija li għandha esperjenza fil-bini ta’ strutturi temporanji missha tkun mgħarrfa biżżejjed dwar il-ħtiġijiet li kien hemm bżonn.

Battibekk bejn Fearne u Azzopardi

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi fi blogg fuq Newsbook.com.mt nhar l-Erbgħa staqsa kif kien hemm kumpanija partikolari illi għamlet talba lill-kumpanija Ġermaniża żmien qabel ħareġ id-dokument tal-Gvern li talab għall-offerti.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta qara l-blogg iddeċieda li jwaqqaf il-proċess tal-għażla sakemm jiġi investigat dak li kiteb Azzopardi.

Is-Sibt filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex il-Ministru Fearne qal li rċieva nota mill-kumpanija msemmija fil-blogg ta’ Azzopardi fejn ċaħdet illi għamlet kuntatt ma’ kumpanija Ġermaniża. Il-kumpanija qalet li hija ma applikatx għat-tender.

Il-Ministru qal li minkejja dan ried li l-investigazzjoni tkompli.

Il-blogg tal-Membru Parlamentari Nazzjonalisti kien ippubblikat lejliet li għalaq it-tender.

Isostni li hemm skandlu

Fi blogg ieħor fuq Newsbook.com.mt maħruġ is-Sibt filgħaxija Jason Azzopardi kompla jiddeskrivi dan il-proġett bħala “skandlu”. Huwa qal li sal-ħin li kiteb ħadd mill-persuni li qed jagħmlu l-inkjesta ma avviċinah biex jagħtihom l-informazzjoni li għandu.

Azzopardi għamel ukoll għadd ta’ mistoqsijiet dwar dan il-proġett.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn