L-ogħla livell ta’ sigurtà fi Franza wara l-attakk f’Nizza

Franza tellgħet il-livell ta’ allerta fit-territorju Franċiż għall-ogħla livell wara l-attakk bis-sikkina fil-belt ta’ Nizza, qal il-Prim Ministru Jean Castex nhar il-Ħamis. 

Castex qal ukoll lill-Assemblea Nazzjonali Franċiża li r-rispons tal-gvern għall-attakk kien se jkun wieħed sod u implakabbli.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li kien se jżid il-preżenza ta’ suldati f’siti ewlenin Franċiżi, bħal postijiet ta’ qima u skejjel, wara l-attakk fatali bis-sikkina f’Nizza aktar kmieni l-bieraħ.

Waqt li kien qed jitkellem barra knisja, Macron qal li Franza kienet qed tiġi attakkata “minħabba l-valuri tagħna, minħabba l-libertà tagħna, u l-kapaċità għal pajjiżna li jkollna l-libertà tat-twemmin … U se nerġa’ nkun ċar ħafna llum dwar dan: m’aħniex se nċedu.”

L-attakk seħħ ġimgħatejn wara li għalliem fi skola sekondarja nqatel f’subborg ta’ Pariġi minn ġuvni ta’ 18-il sena li qatagħlu rasu, minħabba li dan tal-aħħar kien irrabjat wara li l-għalliem wera cartoon tal-Profeta Moħammed fil-klassi.