Tabiba fin-Norveġja toġġezzjona li tagħmel abort

Qorti fin-Norveġja laqgħet talba ta’ tabiba li sostniet li għandha dritt toġġezzjona li tagħmel abort jekk fil-kuxjenza tagħha tħoss li m'għandhiex tagħmlu.
Ktarzyna Jachimowicz li oriġinarjament twieldet  fil-Polonja, kienet qed taqdi dmirha bħala tabib fi klinika fil-munipaliċità ta’ Sauerhad fin-Norveġja. Hi tkeċċiet mil-impjieg għax irrifjutat li tipprovdi lil pazjenta tqila apparat li jista’ joqtol tarbija mhux mitwielda.
Hi ħadet il-każ tagħha l-Qorti għax qalet li tkeċċiet inġustament.  Il-Qorti tal-muniċipalità kienet ċaħdet it-talba tagħha u qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa kellhom raġuni valida biex ikeċċuha mix-xogħol. Hi appellat minn din is-sentenza u l-ġimgħa li għaddiet il-Qorti Suprema ddeċidiet li d-drittijiet tat-tabib għal-libertà tal-kuxjenza, li huma protetti mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkisru bit-tkeċċija tagħha mix-xogħol.
Il-Qorti qalet li l-pazjenta setgħet akkwistat l-apparat magħruf bħala IUD mingħand tabib ieħor u allura l-awtoritajiet tas-saħħa ma kinux ġustifikati li jkeċċuha mix-xogħol.
L-Isqof Bernt Eidsvig ta’ Oslo qal li d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema kienet “rebħa għal-libertà tal-kuxjenza”.
Fl-2015 in-Norveġja kienet għaddiet liġi li permezz tagħha t-tobba ma jistgħux jirrifjutaw li jipprovdu mezzi u servizzi għall-kontroll tat-twelid. Iżda dik il-liġi ma tkoprix l-abort.
Robert Clarke, Direttur tal-grupp ADF International, qal fi stqarrija li “din is-sentenza tibgħat messaġġ ċar lill-awtoritajiet Norveġiżi li l-kuxjenza hi dritt fundamentali taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, liema dritt għandu jkun protett”.
Clarke irrimarka li l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, li n-Norveġja hi membru tagħha, affermat li ebda pesuna, sptar jew istituzzjoni oħra m'għandhomx ikunu mġiegħla, miżmuma responsabbli jew iddiskriminati għax jirrifjutaw li jwettqu jew jassistu f’abort.