L-oġġetti ta’ lussu jtellfuk il-ħbieb

Ix-xjentisti sabu li l-oġġetti u l-ħwejjeġ tad-ditta li jiswew ħafna flus jistgħu jagħmluha impossibli li tagħmel ħbieb ġodda.

Dawk li jixtru żarbun tad-ditta, karozza lussuża u arloġġ ta’ ditti magħrufa jaħsbu li se jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà – iżda magħhom iġibu prezz għoli.

Skont l-aħħar riċerka, jirriżulta li dawn l-oġġetti għandhom l-effett oppost u n-nies jippreferu jkunu ħbieb ma’ xi ħadd li jagħti inqas importanza lill-affarijiet materjali.

Stephen Garcia mill-Università ta’ Michigan huwa l-awtur ewlieni tal-istudju li ġie ppublikat fir-rivista Social Psychological and Personality Science.

Kimberlee Weaver Livnat mill-Università ta’ Haifa tikkonkludi li dan l-istudju li ħafna jaħlu ħafna flus fuq oġġetti li mingħalihom se jpoġġuhom f’sitwazzjoni aħjar fis-soċjetà, mentri dawn iżommu nies oħrajn lura milli jkunu jridu jassoċċjaw irwieħhom ma’ dik il-persuna.

Tkompli tispjega li l-ħbiberiji tant huma importanti li persuna tkun qed tweġġa’ lilha nnifisha jekk tonfoq f’affarijiet ta’ lussu għax mingħaliha se tiġbed in-nies lejha.

Patricia Chen mill-Università ta’ Singapore tgħid iżda li dan ma jfissirx li l-affarijiet ta’ lussu li huma sinja ta’ status ta’ persuna huma ħżiena għal kollox. Tispjega li dan l-istil jista’ jkun utli f’sitwazzjonijiet partikolari, eżempju meta persuna tkun qed tiltaqa’ ma’ persuna għall-ewwel darba dwar kummerċ.