L-offerta fl-Imġarr saret xorta!

Ritratt minn: Lorraine Abela

Għal sena oħra ċċelebrajna l-festa lil Santa Marija fil-Parroċċa tal-Imġarr. Fiċ-ċirkustanzi differenti mis-soltu għexna l-mument tal-festa filwaqt li ħarisna l-miżuri ta’ prekawzjoni kontra t-tixrid tal-imxija. Minn ġimgħat qabel kienu bosta dawk li saqsewna jekk l-offerta għall-irfiegħ tal-vara hux se seħħ din is-sena. F’ċirkustanzi li ma jitolbux mod ieħor, din is-sena ma ġarax bħas-snin ta’ qabel fejn mat-tokki ta’ nofsinhar, biswit l-istatwa tal-ġebel ta’ Santa Marija, għad-dell tal-kampnar, gruppi differenti ta’ nies jixħtu l-offerti tagħhom.

Minkejja kollox, l-Imġarrin żammew ħajja din t-tradizzjoni tal-offerta billi għal din is-sena ġabru bejniethom l-offerta tagħhom għall-parroċċa, b’somma sabiħa ta’ €5,000. Hija l-qalb tajba tal-poplu Imġarri li tmur lil hinn mill-kritika u l-istgħaġib ta’ diversi li ma japprezawx li l-offerta għall-irfiegħ tal-vara mhux biss hija karatteristika tal-festa Mġarrija, imma kontribuzzjoni biex il-Parroċċa tkun tista’ tkompli bix-xogħol pastorali tagħha.

Hija ħasra, li din is-sena, ħadd mill-aġenziji tal-aħbarijiet ma rrapporta din l-għotja ġeneruża li toħroġ minn drawwa antika fl-Imġarr, u li din is-sena spikkat fiha t-tifsira veru ta’ din id-drawwa. Għaldaqstant, dan jixhed li kull argument li jipprova jwaqqa’ din id-drawwa ma jkollux bażi ta’ ħsieb storiku u lanqas sensittività ta’ kif diversi parruċċani jgħinu lill-parroċċa tal-Imġarr.

L-offerta ta’ din is-sena, bħall-offerti tas-snin ta’ qabel, tmur biex il-parroċċa tal-Imġarr tkompli tkun ta’ sapport għall-ħajja komunitarja. 

Dun George Schembri

Kappillan Parroċċa Marija Mtellgħa s-Sema,

l-Imġarr – Malta