“L-obeżità hi marda u rridu nsibu mod kif infejquha”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-obeżità għandha tkun rikonoxxuta bħala marda u għalhekk għandu jkun hemm mod stabbilit ta’ kif għandha titfejjaq.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar l-obeżità fi Brussell, organizzata mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istudju tal-Obeżità (EASO), fuq stedina tal-MEP Alfred Sant, Dr Fearne qal li din il-kundizzjoni għandha tkun eżaminata għaliha nnifisha indipendentament minn problemi oħra, minkejja li jaffettwaw lil xulxin. Hawnhekk semma kif id-dijanjosi  tal-obeżità ssir waqt eżamijiet mediċi oħra bħal tad-dijabete u d-depressjoni.
Fearne saħaq li hemm bżonn li jingħataw iktar fondi biex tiġi megħluba din il-kundizzjoni.
Qal li se tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħal daż-żmien sena. Kompla jgħid li jkun tajjeb li ssir analiżi ta’ xi twettaq s’issa mill-istrateġija 2014-2020 dwar l-obeżità fit-tfal li tnediet mill-Presidenza Griega  fl-2014.
Min-naħa tiegħu Alfred Sant qal li l-livelli għoljin ta’ għajxien u benefiċċji oħra ħallew ukoll effetti negattivi fosthom l-obeżità.
Saħaq li l-problema tal-obeżità għandha tkun fl-ogħla pjanijiet politiċi nazzjonali tal-pajjiżi. Żied jgħid li l-obeżità għandha tkun analizzata mill-angoli kollha, anke mil-lat ta’ dawk il-kumpaniji li jużaw strateġiji ta’ riklamar biex ibigħu l-fast foods.