L-NGOs Għawdxin kuntenti bl-iskema mħabbra mill-Ministru għal Għawdex

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Ghawdxin irrimarka li jilqa’ bi pjaċir l-iskema tal-Gvern lill-NGOs Għawdxin li tħabbret ġimagħtejn ilu mill-Ministru għal Għawdex.
Il-Ministru Justyne Caruana ħabbret li Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme saret sabiex jiġu appoġġjati proġetti żgħar, avvenimenti u inizjattivi minn organizzazzjonijiet volontarji.
L-assoċjazzjoni tqis li dan hu żvilupp importanti fir-rigward tas-settur tal-volontarjat f’Għawdex.
Il-kunsill qal ukoll fi stqarrija li jinnoa bi pjaċir il-kliem użat minn Caruana waqt il-konfrerenza tal-aħbarijiet li fiha nediet l-iskema. Il-Ministru ġiet irrappurtata tgħid li dan is-settur f’Ghawdex huwa b’saħħtu ħafna u jagħti kontribut siewi lis-soċjetà Għawdxija u lil hinn.
L-assoċjazzjoni ħeġġet lil dawk l-għaqdiet interessati sabiex ma jitilfux din l-opportunità.
L-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi rreġistrati mal-Kummissarju għall-organizzazzjonijiet volontarji jistgħu japplikaw taħt din l-iskema t’assistenza.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel lill-assoċjazzjoni fuq 99456851.