“L-NGOs għandhom sehem siewi fis-settur tas-saħħa” – il-Ministru Godfrey Farrugia

Il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia sostna li l-għaqdiet mhux governattivi għandhom sehem siewi ħafna fis-settur tas-saħħa.

Dr Farrugia qal dan waqt għotja t’apparat biex jintuża mill-pazjenti, liema għotja saret mill-Ħbieb tal-Morda u tal-Anzjani f’Għawdex lill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-Ministru tas-Saħħa saħaq li bħalissa l-Ministeru għas-Saħħa għadu kemm addotta protokol li fih huma elenkati regoli tal-mod kif jingħataw donazzjonijiet jew apparat lis-settur tas-saħħa.

Hu fakkar li f’Malta hawn mal-100 għaqda mhux governattiva li kollha jaħdmu mill-qrib mas-settur tas-saħħa, bil-għan li l-pazjenti jkollhom ħajja aktar komda.