Il-KE tisħaq li l-entitajiet bħall-NCPE għandhom jitħallew jaħdmu b’mod indipendenti

Read in English.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza tal-Ġeneru, Věra Jourová qalet li entitajiet bħal NCPE huma “għassiesa tal-ġustizzja, li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jingħataw drittijiet ugwali u opportunitajiet indaqs”. Saħqet li huwa għalhekk li dawn l-entitajiet jitħallew jaħdmu b’mod indipendenti.

Dwar dan, fi stqarrija, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) spjegat li l-indipendenza tal-entitajiet dwar l-ugwaljanza hija kruċjali għal operat effettiv u għal impatt iktar b’saħħtu fis-soċjetà.

L-NCPE sostniet li bħala entità għall-ugwaljanza ġeneralment tkun l-ewwel punt ta’ kuntatt, għal dawk li jfittxu biex jagħmlu lment dwar każ ta’ diskriminazzjoni u għal referenza dwar oqsma relatati mat-trattament ugwali u d-diskriminazzjoni, għalhekk huwa importanti li jkollha riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adegwati.

F’Malta, għaddejja ħidma sabiex l-NCPE tiġi msaħħa u mibdula f’Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza li tkopri l-protezzjoni tal-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem.