L-NAO jżomm mal-konklużjonijiet tiegħu wara li ra l-MOU li ‘sab’ Abela

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li jibqa’ jżomm mal-konklużjonijiet tiegħu dwar il-konċessjoni li l-Gvern ta lil Vitals Global Healthcare. Dan wara li ra l-memorandum ta’ qbil (MOU) li ‘sab’ il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-dokument tal-memorandum of understanding bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare kien instab wara li l-PM Robert Abela qal li kien mitluf.

Fi stqarrija l-NAO qal li l-Gvern kien qed jiġi rrappreżentat mill-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona fl-MOU.

L-awdituri qalu li għalkemm l-MOU tefa’ dawl fuq ċerti żviluppi li seħħew qabel it-talba għall-proposti, oħrajn baqgħu mistura.

“Ta’ nota huma kif ġew identifikati l-investituri, in-negozjati li saru li wasslu għall-MtQ (MOU) u r-riżultat negattiv tad-diliġenza dovuta li l-Malta Enterprise wettqet fir-rigward tal-investituri. Minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni mgħoddija lil dan l-uffiċċju dwar in-natura tar-riżultat negattiv tad-diliġenza dovuta, it-tħassib tal-NAO jibqa’ meta wieħed iqis li, irrispettivament mir-riskji kruċjali indikati, il-gvern kompla jinnegozja mal-investituri li, fil-maġġoranza, ma nbidlux meta l-gvern tahom konċessjoni biex joperaw tliet sptarijiet pubbliċi ftit xhur wara,” qal l-NAO.

L-NAO jemmen li l-MOU li daħlu għalih il-Gvern u l-investituri u t-talba għal proposti għal konċessjoni ta’ tliet sptarijiet maħruġa sussegwetement jistgħu jitqiesu bħala proċess wieħed.

“L-ewwel nett, jeżisti xebh kbir bejn l-investituri li daħlu fl-MtQ u s-sidien ta’ Vitals Global Healthcare Ltd, li ġiet mogħtija l-konċessjoni mill-gvern. It-tieni, in-natura tal-proġett ma nbidlitx. Infatti,  inżamm il-mudell ta’ żvilupp u operat, id-dħul mill-gvern baqa’ garantit permezz ta’ ftehim fit-tul, it-turiżmu mediku kellu jsostni l-fattibbiltà tal-proġett u l-kostruzzjoni tal-iskola medika ta’ Barts baqgħet element prominenti għall-proġett.

“L-unika differenza kienet it-tnaqqis fin-numru ta’ sodod fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, liema tnaqqis kien aktar milli kkumpensat permezz taż-żieda tal-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech fil-konċessjoni. Ix-xebh fin-natura tal-proġett u fl-identità tal-investituri huwa evidenti u jsostni l-fehma ta’ dan l-uffiċċju li l-proċess kien wieħed imfassal b’għan premeditat u qarrieqi,” qal l-NAO.

L-NAO qal li l-Gvern kien qed jiġi rrappreżentat mill-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona fl-MOU. Il-parti l-oħra kienu l-iżviluppaturi u l-operaturi tal-proġett propost, rappreżentati minn Mark Edward Pawley fil-kapaċità tiegħu bħala Direttur ta’ Bluestone Special Situation 4 Ltd, Dr Ashok Rattehalli fil-kariga tiegħu bħala Direttur ta’ AGMC Incorporated u Mohammad Shoaib Walajahi u Chaudhry Shaukat Ali fil-kapaċità tagħhom bħala Diretturi ta’ Pivot Holdings Ltd (imsejħa kollettivament bħala l-Investituri).

L-MOU kien isemmi li l-investituri kienu interessati li jinvestu fit-twaqqif ta’ kumpless mediku f’Għawdex, li kien jinkludi l-estensjoni u l-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ ċentru tal-għajxien assistit, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ skola medika li kellha titħaddem minn Barts School of Medicine and Dentistry. Id-dokument kien iddatat l-10 ta’ Ottubru 2014.

F’rapport kritiku għall-aħħar dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-Vitals Global Healthcare (VGH), l-Awditur Ġenerali indika li l-proċess kien dubjuż, l-Vitals kellhom jiġu skwalifikati u kien hemm kollużjoni fil-ftehim.  L-Awditur jgħid ukoll  li ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.