L-NAO jikkonkludi li ħarġu 25 u mhux 150 permess qabel l-elezzjoni

Rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonkludi li bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu tal-2013, inħarġu 25 permess ta’ encroachment fuq art pubblika.
Dan meta fil-mezzi tax-xandir kien ġie rrappurtat li mal-100 permess inħarġu matul l-aħħar xahrejn tal-amministrazzjoni preċedenti u dan meta l-Gvern joħroġ mal-150 permess fis-sena.
Fil-25 ta’ Awwissu, l-Awditur Ġenerali kien intalab jinvestiga l-għoti tal-permessi għall-encroachment fiż-żmien qabel l-elezzjoni ġenerali u jekk dawn il-permessi ngħatawx b’mod regolari.
Ir-rapport jikkonkludi wkoll li mill-25 permess li nħarġu, 13 kienu awtorizzati mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, filwaqt li 12 oħra kienu sanzjonati mid-Dipartiment u entitajiet oħra fis-settur pubbliku.
11-il permess inħarġu bejn it-23 ta’ Frar u t-8 ta’ Marzu 2013, b’seba’ permessi maħruġa bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu 2013.
Minn dawn il-11-il permess, tmienja kienu awtorizzati mill-Ministru.
Il-verifika ddeterminat ukoll jekk il-permessi ħarġu b’mod regolari u ġie nnutat li d-Dipartiment xi drabi japplika rati li kienu inqas mil-limiti minimu stabbilit għal kategoriji ta’ encroachments partikolari.
L-NAO kellu wkoll riżervi fuq ir-rata fissa għall-permessi maħruġa għat-tqegħid ta’ imwejjed u siġġijiet.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa aċċessibbli mis-sit: www.nao.gov.mt.

Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonali qal li mir-rapport tal-Awditur Ġenerali joħroġ ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Partit Laburista gibdu u l-allegazzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi kienu biss invenzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport tal-NAO jikkonferma kemm qed jagħmel ħażin il-Prim Ministru li meta jkun dahru mal-ħajt fuq skandli u korruzzjoni, jivvinta fuq l-amministrazzjoni preċedenti.

Reazzjoni PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa kundanna fuq it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Artijiet taħt Simon Busuttil li kien Viċi-Kap u Jason Azzopardi li kien is-Segretarju Parlamentari fi żmien il-Gvern preċedenti.
Il-Partit Laburista qal li il-każ huwa konferma ċara li kien hemm intervent politiku minn Jason Azzopardi biex joħroġ encroachement fid-distrett tiegħu stess lejliet l-elezzjoni, u li kien responsabbli biex art tal-Gvern tingħata qabel l-elezzjoni bi prezzijiet iktar baxxi minn tas-suq.