L-MV Nikolaos se jerġa’ jibda jopera

Christoph Schwaiger

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel MV Nikolaos se jerġa jibda’ jopera fil-jiem li ġejjin. Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet. Il-Ministru qal li matul ix-xhur tas-sajf se jerġgħu jibdew l-attivitajiet madwar il-gżira Għawdxija hekk kif dawn waqfu minġabba l-imxija tal-COVID-19. Huwa qal li l-Ministeru ħejja programm sħis ta’ attivitajiet li se jibdew mill-1 ta’ Lulju sa Settembru.

Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-attivitajier li jattiraw kemm lill-Maltin kif ukoll lit-turisti. Huwa fakkar li l-ekonomija tal-gżira Għawdxija tiddependi ħafna mit-turiżmu. Apparti mill-ikel bnin wieħed jista’ jgawdi bajjiet sbieħ u l-ambjent awtentiku tal-gżira Għawdxija. Fost dawn l-attivitajiet wieħed se jkun jista’ jgawdi minn spettakli fejn fihom se jispikkaw talenti lokali, li, permezz ta’ varjetà ta’ arti viżiva, se jkunu qed jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

Dawn l-attivitajiet se jsiru madwar il-gżira Għawdxija u se jinkludu kunċerti ta’ bands ħdejn il-bajjiet fosthom l-Imġarr, Marsalforn u x-Xlendi, kif ukoll fil-pjazez tax-Xagħra, ix-Xewkija u l-Qala, u fil-Belt Victoria. Se jkunu qegħdin isiru wkoll festivals b’temi differenti fl-irħula fejn il-pubbliku jista’ jgawdi l-mużika u spettaklu ieħor f’ambjent rilassat. Ma’ dawn ma tonqosx ukoll il-Wirja Annwali tal-Biedja u Snajja’ li tattira nies ta’ kull età.

Aktar dettalji fuq dawn l-attivitajiet jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġni ta’ Facebook tal-Cultural Heritage Directorate u Visit Gozo, u minn fuq is-sit visitgozo.com.