L-MUT u l-UPE jgħidu lill-edukaturi biex għada ma jmorrux għax-xogħol

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) u l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qalu li ma kinux involuti fid-diskussjonijiet biex għadd ta’ gradi ta’ edukaturi li jirrappreżentaw jirritornaw għax-xogħol minn għada. Iż-żewġ unjins ħabbru tilwima industrijali peress li ma jħossux li l-postijiet tax-xogħol huma siguri għall-ħaddiema.

Fi stqarrija, l-unjins qalu li skont l-informazzjoni li għandhom, il-postijiet tax-xogħol, skont il-UPE l-Università u l-Junior College fl-Imsida, mhumiex attrezzati skont il-protokol maħruġ, li qatt ma ġie diskuss magħhom. L-istess protokol jesiġi diskussjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għalhekk, saħqet l-MUT, dan diġà nkiser. L-MUT sostniet li huwa ċar li mhux qed isir risk assessment ġdid tal-postijiet tax-xogħol.

Minn għada, Malta tkompli fi triqitha lejn in-normalità, billi se jitneħħew xi miżuri oħra meħudin aktar kmieni din is-sena kontra l-imxija tal-coronavirus. Għada għandhom jiftħu l-kumplament tan-negozji.

Għaldaqstant l-MUT iddeċidiet li mhix lesta li tħalli lil min jesponi l-membri rappreżentati minnha għal riskji “f‘kuntest fejn in-normalità li tant qed tissemma mhi normalità xejn iżda hi sensiela ta’ restrizzjonijiet li jridu jiġu mwettqa b’mod rigoruż.” Il-membri tal-MUT u tal-UPE ngħataw id-direttiva sabiex għada ma jidħlux għax-xogħol jekk intalbu jagħmlu dan, u jkomplu jaħdmu minn djarhom kif għamlu fl-aħħar ġimgħat.

L-appell tal-UPE

Nuqqas ta’ ppjanar – PN

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fuq dan is-suġġett u qal li n-nuqqas ta’ ppjanar bil-galbu u ta’ konsultazzjoni wiesgħa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jinħass ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Sostna li l-ħaddiema u l-ġenituri għandhom dritt ikunu jafu x’risk assessments saru fl-istituzzjonijiet edukattivi u x’miżuri konformi mal-istandards mitluba mill-protokolli qed jittieħdu. Dan wara li l-Ministeru ordna li uffiċjali edukattivi jidħlu għax-xogħol f’uffiċini li, skont il-PN, mhumiex konformi ma’ protokol ta’ saħħa u sigurtà li għamel il-Gvern stess.

Rapporti li daħlu għand il-Partit Nazzjonalista jgħidu li ċerti uffiċjali kienu mistennija li joqgħodu ffullati f’uffiċini meta skont il-protcol tal-gvern stess dawn l-uffiċini jifilħu numru iżgħar ta’ ħaddiema.

Rapporti oħra qalu li l-iskejjel kienu qed jiġu mitluba biex sa għada filgħodu jkollhom disponibbli visors, ingwanti u fradal li jintremew u termometri għad-deni, għall-impjegati.  Il-PN qal li dan ħoloq konfużjoni għaliex l-iskejjel spiċċaw itellqu ma’ xulxin biex jaraw min se jilħaq l-affarijiet li għandhom bżonn mingħand dawk li huma approvati li jipprovduhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn