L-MUT u l-UPE bi protest ġudizzjarju kontrihom għall-imġiba “irresponsabbli” tagħhom

Aġġornat 07:55 PM

Read in English.

L-Avukat Andre Borg ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) u l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers). Il-protest joġġezzjona kontra l-pressjoni li saret mill-unjins biex il-ftuħ tal-iskejjel jiġi pospost, minkejja li kien hemm skejjel li kienu preparati biex jiftħu.

Fil-protest, huwa jitlob li ż-żewġ unjins iwaqqfu l-“imġiba militanti” tagħhom u minflok, jaħdmu għal interess komuni. Huwa sejjaħ l-imġiba tagħhom waħda irresponsabbli u qal li hemm diversi ġenituri u għalliema li qegħdin jappoġġjawh f’dan il-protest ġudizzjarju.

Dr Borg spjega li hu favur li tittieħed azzjoni fejn ikun hemm bżonn, u jifhem li l-unjins iridu jipproteġu lill-membri tagħhom, madankollu ma jaqbilx li huma jużaw il-pjattaforma nazzjonali tagħhom għall-gwadann tagħhom, speċjalment meta l-unjins donnhom ikunu qegħdin jikkompetu għall-attenzjoni.

Issokta jgħid li r-rivalità bejn l-MUT u l-UPE hija evidenti ħafna, u donnhom qegħdin juru l-militanza tagħhom biex jirbħu lill-membri. Ir-riżultat ta’ dan, skont l-avukat, ikun ta’ detriment għall-istudenti, speċjalment iż-żgħar, tħarbit fil-post tax-xogħol u stress bla bżonn fuq l-edukaturi li jispiċċaw jirċievu theddid mhux ġustifikat minħabba l-azzjonijiet tal-unjins tagħhom.

Għadd ta’ ġenituri lmentaw fuq il-midja soċjali li dawn l-unjins baqgħu jippressaw saħansitra lill-iskejjel indipendenti biex jipposponu l-ftuħ mill-ġdid, minkejja li dawn kienu ppreparati biex jiftħu llum.

L-MUT tgħid li qatt ma imponiet fuq l-iskejjel biex jipposponu l-ftuħ

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) irreaġixxiet għal dan il-protest u qalet li hija ma rreġistrat l-ebda tilwima mal-iskejjel indipendenti. Spjegat li d-deċiżjoni li jiġi pospost il-ftuħ tal-iskejjel ittieħdet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. L-unjin laqgħet id-deċiżjoni, imbagħad ikkomunikat mal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti billi hi l-unjin rikonoxxuta, u qaltilhom li l-unjin titlobhom jaddottaw il-prinċipji mħabbrin mill-Gvern.

L-unjin kjarifikat li hi għadha ma rċevitx kopja tal-protest ġudizzjarju, u għalhekk, qed tirreaġixxi biss għal dak li ġie rrappurtat fil-midja.

Żiedet tgħid li kull argument li sar sar b’responsabbiltà u bir-raġun wara li ngħata rispons validu u tqajmu mistoqsijiet validi mill-membri tal-MUT.

L-isfond

Oriġinarjament, l-iskejjel kollha kellhom jiftħu għada t-28 ta’ Settembru. L-unjins ilhom ġimgħat jappellaw lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel sabiex jagħtihom ċans jippreparaw u japplikaw il-linji gwida u l-protokolli li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa fil-bidu ta’ Settembru. Il-Ministeru baqa’ jkaxkar saqajh, u sa ġimgħa ilu, l-unjins kienu għadhom qed jilmentaw li kellhom laqgħat inkonklussivi mal-Gvern u jheddu b’azzjoni industrijali.

Madankollu, nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Gvern ħabbar li l-iskejjel tal-Gvern se jiftħu fis-7 t’Ottubru, u mhux l-istudenti kollha se jibdew skola dakinhar, imma skont kif imisshom, se jibdew skola f’jiem differenti tul dik il-ġimgħa. L-iskejjel tal-Knisja mxew mal-istess deċiżjoni.

Id-deċiżjoni tal-iskejjel li jipposponu l-ftuħ
L-iskejjel tal-Knisja jsegwu l-passi tal-iskejjel tal-Gvern

Minkejja dan, għadd ta’ skejjel indipendenti li kellhom kollox ippreparat u f’postu biex jiftħu llum riedu jagħmlu dan xorta waħda, iżda ħafna qed jimplikaw li huma ġew ippressati mill-unjins tal-edukaturi biex jipposponu l-ftuħ tagħhom ukoll. Xi skejjel xorta waħda fetħu llum.

Illum l-iskejjel tal-Gvern fetħu għall-għalliema u l-UPE qalet ftit tal-ħin ilu li kienu ħafna l-edukaturi li kkuntattjawha biex jgħidulha li l-iskejjel tal-Gvern jidhru li mhumiex preparati. Semmew, fost l-oħrajn, imwejjed wisq qrib ta’ xulxin, staffrooms iffullati, internet li ma jaqbadx u nuqqas ta’ arranġamenti għal fejn ipoġġu l-LSEs.