L-MUT trid protokolli ta’ kif jingħalqu l-iskejjel

Read in English.

L-unjin tal-għalliema, l-MUT, saħqet biex il-Gvern jippubblika l-protokolli ta’ kif għandhom jingħalqu l-iskejjel f’każ li jinstabu każijiet pożittivi. Fi stqarrija l-MUT qalet li huwa evidenti li t-trasmissjoni hija għolja minħabba ż-żieda għolja ta’ każijiet u għaldaqstant fi kwalunkwe ħin xi skejjel se jkollhom jingħalqu.

Spjegaw li bħala unjin ma jafux fuq liema kriterji għandhom jingħalqu l-iskejjel u għaldaqstant ħeġġew biex ikun hemm konformità fit-tali deċiżjoni. Saħqu li ma jistax ikun hemm distinzjoni bejn skejjel tal-istat u skejjel li huma privati jew tal-Knisja.

Appellaw lill-Gvern biex jagħti prijorità lil din il-kwistjoni għaliex dak li jiġri fl-iskejjel huwa responsabbiltà tal-Gvern għaliex kien hu li ħa d-deċiżjoni li jerġgħu jinfetħu.

Ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Gvern ħabbar xi miżuri restrittivi ġodda inkluż l-użu mandatorju tal-maskri kullimkien għajr għal xi eċċezzjoijiet.