L-MUT trid li l-ftuħ tal-iskejjel jiġi pospost

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħeġġet lill-Gvern biex l-iskejjel ma jinftħux għalissa, imma l-ftuħ tal-istituzzjonijiet edukattivi kollha, mill-kindergarten sal-Università, jiġi pospost.

Waqt konferenza stampa llum, l-MUT irreaġixxiet għall-aħbar li llum Malta kellha l-akbar numru ta’ każijiet mindu bdiet il-pandemija, 106 każijiet. Spjegat li filwaqt li l-pajjiż ilu jistenna aktar informazzjoni fuq il-ftuħ tal-iskejjel, u l-MUT kienet ilha minn Marzu titlob protokolli u miżuri, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ppubblika dawn fil-bidu ta’ Settembru.

L-unjin ħabbret li dalgħodu, il-Kunsill tagħha, ivvota unanimament li:

  • Il-ftuħ tal-iskejjel għandu jiġi pospost (tal-Gvern, tal-Knisja, indipendenti, skola obbligatorja u mhux, postsekondarja u terzjarja)
  • Titlob li l-iskejjel jingħataw ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti li juri li huma siguri biex jilqgħu lit-tfal.

L-MUT qalet li qed tillimita l-pożizzjoni tagħha għall-miżuri msemmijin imma f’każ li s-sitwazzjoni tiżviluppa, hija toħroġ aktar miżuri.

Żiedet tgħid li fl-aħħar mill-aħħar, hija responsabbiltà ta’ min iħaddem li jieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u l-istudenti. L-unjin sempliċiment għandha l-irwol li tara li dan isir.

Ir-reazzjoni inizjali tal-MUT għall-ftuħ tal-iskejjel
Ftuħ tal-iskejjel: “Sfida kbira biex jiġi implimentat il-protokoll” – MUT

Bil-ħsieb li l-edukaturi jridu jmorru lura l-iskola, l-MUT qiegħda tiddiskuti miżuri oħra biex issib soluzzjonijiet minflok ma telenka problemi biss. L-unjin qiegħda tiddiskuti mal-iskejjel kif il-miżuri mħabbrin mill-Gvern se jiġu implimentati qabel ma tieħu pożizzjoni finali, iżda stqarret li hemm ħafna kwistjonijiet li hi mhix kuntenta bihom.

Fl-appell tagħha lill-Gvern, l-unjin għamlitha ċara li hi responsabbiltà tal-Gvern li jieħu l-miżuri sabiex l-imxija tinżamm taħt kontroll.

Il-UPE llum ukoll appellat biex l-iskejjel ma jinfetħux, għaliex uriet tħassib serju fuq il-possibbiltà li l-każijiet tal-coronavirus jiżdiedu ġmielhom ladarba jerġgħu jiftħu l-iskejjel.

L-appell tal-UPE lill-Prim Ministru
“Agħlqu l-iskejjel” – UPE

Taqbel li l-iskejjel jingħataw ċertifikat li huma siguri?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.