“L-MUT tradietna” – għalliema; “It-tgergir normali meta jiġi ffirmat ftehim kbir” – MUT

Għadd ta’ għalliema qed iħossuhom traduti mill-Unjin tal-Għalliema (MUT), wara li raw il-ftehim sħiħ li sar bejn il-Gvern u l-unjin, ippubblikat ilbieraħ minn Newsbook.com.mt. Dan minħabba li fi kliemhom, ma rċevewx il-ftehim kollu u għax iż-żieda hija inqas minn dik imwiegħda.
Dwar is-sentiment ta’ tradiment, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal ma’ Newsbook.com.mt li fi ftehim li jolqot għadd kbir ta’ nies, huwa normali li jkun hemm faxxa li tħoss li ma ġiex milħuq dak li kienu qed jistennew. Minkejja dak kollu li nkiteb fuq il-mezzi soċjali, Bonniċi insista li l-MUT kienet dawret l-informazzjoni mal-membri bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li saret. 
Madanakollu, s-sentiment negattiv fost l-edukaturi wassal biex tnediet petizzjoni onlajn, bl-isem L-edukaturi ħaqqhom aħjar. 
“Mhux se jagħtuna żieda ta’ 14% kif wegħduna”
Il-petizzjoni, li mistennija tiġi ppreżentata lill-Gvern u lill-MUT, tgħid li l-edukaturi ġew traduti meta ntqalilhom li l-gradi kollha se jingħataw żieda ta’ 14% fl-ewwel sena tal-ftehim. Barra minn hekk, tisħaq li ż-żieda fil-paga ma tirriflettix iż-żieda ‘drastika’ fix-xogħol minħabba l-introduzzjoni tal-metodi ġodda tal-assessjar u x-xogħol assoċjat mal-Learning Outcomes Framework. S’issa l-petizzjoni ġiet iffirmata minn 588 persuna.
Għaliex ma rċivewx il-ftehim sħiħ?
Ilbieraħ stess, permezz ta’ post fuq il-paġna Edukazzjoni fuq Facebook, l-għalliema tal-istat ġew imħeġġa biex jiċċekkjaw l-imejls tagħhom, għax kellhom jirċievu dettalji personalizzati tal-ftehim fosthom il-kundizzjonijiet tax-xogħol u anke kif inħadem l-aspett finanzjarju fuq il-kont tagħhom tal-iLearn. 
Kienu diversi li ilmentaw li ma rċevewx il-ftehim sħiħ, għalkemm il-fatt li kull imejl kien personalizzat jindika li ma kinux se jirċievu l-ftehim sħiħ.
Oħrajn qabżu għall-unjin li tirrappreżentahom, u staqsew f’liema sena ġie ppubblikat ftehim settorjali sħiħ, bil-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema oħra. 
Il-ftehim mingħajr it-tabelli taż-żidiet kien ippubblikat ukoll fuq is-sit tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. 
Kien hemm min wera l-frustrazzjoni tiegħu billi qal li Malta diġà qed taffaċċja nuqqas ta’ għalliema, u fi kliem l-edukatur l-paga u l-flus għar-riżorsi għal dawk li għadhom kemm bdew jgħallmu mhumiex biżżejjed biex jirriflettu l-ħtiġijiet tagħhom. Saħqu li għalliema ġodda għandhom bżonn iktar riżorsi minn għalliema ta’ esperjenza. Esprimew it-tħassib li dan ma jħajjarx studenti biex jidħlu fil-professjoni tat-tgħallim. 
L-istatut tal-istess unjin f’artiklu 28 jgħid li l-unjin għandha l-obbligu li tikkonsulta mal-membri dwar ftehim iffirmat f’isimhom. Kien hemm min ilmenta ma’ Newsbook.com.mt li s-survey li sar mill-MUT kien miftuħ biss għall-membri li ħallsu l-miżati kollha matul is-snin. 
Ftit jiem qabel ma’ Newsbook.com.mt ippubblika l-ftehim, il-President tal-MUT tkellem dwar nuqqas ta’ paċenzja ta’ xi wħud jew inkella xi aġenda li twassal għar-riskju i jitilfu dak kollu li ntlaħaq. Huwa poġġa r-responsabbilità fuq dawn in-nies. 
X’qed jgħidu l-edukaturi?
Justin Schembri, edukatur u kandidat tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet qal li wara li d-diskussjonijiet damu sentejn, fi kliemu l-ftehim il-ġdid wassal ‘għall-inġustizzja u diskriminazzjoni’ mal-edukaturi stess. Fisser li l-allokazzjonijiet addizzjonali qed jiddiskriminaw edukaturi fi skaluni differenti. Saħaq li kull edukatur jinsab f’liema skala jinsab għandu l-istess ammont ta’ studenti fil-klassi u jrid jgħallem l-istess sillabi.  Ilmenta wkoll dwar kif il-Gvern se jkun qed jallokka abbażi ta’ esperjenza u mhux skont il-ħtiġijiet tal-klassi u r-riżorsi.
Johanna Axisa MacRae, edukatriċi oħra, ddeskriviet bħala terribbli l-fatt li ż-żieda li ngħatat mhix bl-istess persentaġġ għal kull stadju tal-karriera tal-edukaturi. Fissret kif b’dan il-mod l-edukaturi li jitħallsu l-inqas se jkollhom l-inqas persentaġġ ta’ żieda u fi kliemha dan mhux se jgħin biex ittejjeb l-kriżi fin-nuqqas tal-edukaturi jew li jżomm lill-edukaturi li m’ilhomx jgħallmu. 
Ikkumentat ukoll fuq il-fatt li ma sarx wisq dwar is-supply grades li minkejja ma għandhomx il-kwalifiċi meħtieġa u jitħallsu inqas, jitħaddmu flokk għalliema professjonisti u b'hekk jeħilsu b'irħas. Iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala prekarja u li għandha tiġi riżolta kemm għas-supply kif ukoll għall-edukaturi professjonisti. Tgħid li fil-fatt il-Ministeru xorta għadu f’pożizzjoni jimpjega studenti jekk iħoss li huma eleġibbli.
Fi kliemha, ħafna mill-edukaturi jħossuhom traduti mill-Unjin tagħhom stess għax ma ngħatawx informazzjoni dettaljata qabel ma ġie ffirmat l-ftehim f’isimhom. 
U inti, kif affettwak dan il-ftehim? Ibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt