L-MUT tqajjem tħassib dwar l-iskola internazzjonali fl-Imtarfa

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), qalet li tinsab imħassba dwar l-effett li se jkollha skola internazzjonali fuq is-settur edukattiv f’Malta.
Qalet li mhix ċerta dwar il-vijabbiltà u s-sostenibbiltà ta’ skola oħra f’Malta, speċjalment għall-mod li bih tista’ taffettwa s-settur tal-iskejjel indipendenti.
Ix-xahar li għadda l-Ministeru għall-Edukazzjoni ħareġ sejħa għall-proposti minn istituzzjonijiet edukattivi sabiex tinfetaħ skola internazzjonali fl-Imtarfa.
Fi stqarrija, il-Ministeru kien spjega li fl-aħħar snin il-perċentwal ta’ barranin li qed jaħdmu f’Malta qed jikber u kawża ta’ dan, l-iskejjel privati u indipendenti rreġistraw żieda rekord fit-talba għall-ammissjonijiet ta’ studenti barranin u għaldaqstant mhux qed ikun hemm spazju biżżejjed.
Min-naħa tagħha, l-MUT staqsiet sarx xi studju dwar l-impatt, qabel ma nħarġet is-sejħa.
Temmet tirreferi wkoll għall-istandards tal-iskola l-ġdida u min se jkun qed jgħallem hemmhekk. Staqsiet ukoll ir-rebbieħ tal-kuntratt hux se jkun operatur mill-qasam edukattiv, sabiex żbalji li saru fil-passat ma jirrepetux ruħhom.