L-MUT titlob lill-Gvern ikun aktar ċar dwar il-każijiet tal-Covid-19 fl-iskejjel

DOI: Clifton Fenech

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) uriet tħassib fuq informazzjoni falza li qed tinxtered dwar każijiet ta’ coronavirus fl-iskejjel, u talbet lill-Gvern jaddotta policy ċara fuq il-każijiet li jkun hemm, sabiex il-ġenituri, studenti jew edukaturi affettwati jiġu infurmati mill-aktar fis.

L-unjin dalgħodu qasmet dan it-tħassib tagħha mal-Ministeru għall-Intern, mal-Ministeru tas-Saħħa u mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Hija saħqet li hi konxja li hemm ħafna spekulazzjoni, u peress li hi l-unjin li tirrappreżenta lill-maġġoranza tal-edukaturi, hija inkwetata fuq il-ħsara li dan qed jagħmel lill-edukaturi, lill-istudenti u l-familji tagħhom. Apparti hekk, hija semmiet ukoll l-impatt psikoloġiku li din l-ispekulazzjoni qed ikollha fuq dawk affettwati, peress li jinqala’ kaos kull meta jissemma allegat każ f’xi skola.

L-unjin stqarret li hi qatt m’għamlet stqarrijiet pubbliċi fuq każijiet fl-iskejjel u mhix se tingħaqad ma’ dawn l-ispekulaturi. Hija talbet lill-Gvern biex jieħu l-azzjonijiet xierqa biex ma jkunx hemm ħtieġa għal aktar spekulazzjoni. Tridu, minflok, joħloq policy uffiċjali u ċara sabiex l-informazzjoni fuq il-każijiet pożittivi fl-iskejjel tkun disponibbli u aċċessibbli.

Intant, f’dawn l-aħħar jiem, il-UPE kienet qiegħda tħabbar diversi każijiet fl-iskejjel. Dalgħodu għadha kemm ħabbret każ ġdid fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fi Blata l-Bajda. Newsbook.com.mt ġie infurmat b’każ ieħor fi Klabb 3-16 fl-iskola primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.