Read in English.
L-Unjin tal-Għalliema (MUT) qiegħda titlob laqgħa mal-Prim Ministru biex jingħalqu l-iskejjel.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li wara li evalwat il-miżuri li qegħdin jittieħdu fil-pajjiż, trid li tibda d-diskussjoni immedjata u urġenti biex l-iskejjel jingħalqu għal perjodu ta’ żmien li jiġi stabbilit.
Stqarret li “qed tagħmel din it-talba b’responsabbiltà kbira u konxja mill-implikazzjonijiet kollha li tali deċiżjoni ġġorr magħha. Għaldaqstant qiegħda titlob li jkun hemm id-diskussjoni kollha neċessarja sabiex ma jsirux żbalji li minnhom il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jbati l-konsegwenzi.”
“Ħudu s-saħħa ta’ wliedna bis-serjetà” – PN
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli appella lill-Gvern biex jieħu s-saħħa tat-tfal bis-serjetà, u biex jindirizza n-nuqqas ta’ preparazzjoni fl-iskejjel għall-coronavirus.
Skontu, l-istqarrija tal-MUT tikxef li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ma ppjanax u ma kienx ippreparat biex it-tfal u l-għalliema jkollhom l-iġjene neċessarja fil-klassi.