L-MUT tikkonferma li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika mhux se jsiru

Read in English.

L-MUT ħabbret li l-eżamijiet ta’ tmiem is-sena tal-Malti u tal-Matematika tas-snin kollha fl-iskejjel sekondarji mhux se jsiru. Dan wara li ttieħed vot unanimu mill-membri affettwati u wara diskussjoni mal-Kunsill tal-MUT. Ir-raġuni għal dan hija li l-għalliema taż-żewġ suġġetti ilhom fuq sena jitgħabbew b’wisq xogħol, u minkejja l-isforzi tal-MUT biex din it-tagħbija tittaffa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni “baqa’ jkaxkar saqajh” u baqa’ “jiggrava” s-sitwazzjoni minflok ma jtejjibha.

“Ċans kbir li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika ma jsirux” – Bonnici

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħarġet stqarrija sabiex tikkjarifika s-sitwazzjoni tal-kwistjoni li għandha mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fl-iskejjel sekondarji. Spjegat li din il-kwistjoni ilha għaddejja sena, minn meta l-MUT irċeviet informazzjoni konsistenti mill-iskejjel li l-Ministeru kien qiegħed jimmassimizza l-operat billi jinjora klawżola tal-ftehim settorali li tistipula li f’kundizzjonijiet eċċezzjonali biss tista’ tagħti tagħbija ta’ lezzjonijiet aktar milli stipulat. L-MUT ikkummentat li sfortunatament il-kundizzjonijiet eċċezzjonali fil-każ tal-għalliema tal-Malti u tal-Matematika saru n-norma.

“Xbajna nistaqsu humiex se jsiru l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika” – omm

Kompliet tispjega kif tul is-sajf li għadda, il-Ministeru baqa’ jiċħad dan u saħansitra qal li m’għandux bżonn ta’ aktar għalliema għax ma kien hemm l-ebda nuqqas fl-ebda suġġett u fl-ebda livell. Minħabba dan, f’Settembru li għadda, l-MUT tat direttiva lill-għalliema tal-Malti u l-Matematika dwar l-assessjar inkluż l-eżamijiet. Din id-direttiva ngħatat kmieni ħafna sabiex matul il-ġimgħat ta’ wara jinstabu soluzzjonijiet biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata bla dewmien, iżda t-taħditiet dwar din il-kwistjoni kienu minimi u l-Ministeru qatt ma ħa l-kwistjoni bis-serjetà, tant li pprova jsib soluzzjoni biss lejlet l-eżamjiet ta’ nofs is-sena. L-MUT qalet li l-Ministeru qata’ qalbu tant li qabbad lil xi wħud mhux magħrufa biex jagħmlu l-karti tal-eżamijiet minflok, bil-konsegwenzi li l-istudenti kellhom karti tal-eżamijiet differenti għalkollox minn kif ikunu s-soltu, pereżempju mingħajr komponent mingħajr calculator fil-Matematika u mingħajr letteratura fil-Malti.

“L-għalliema tal-Malti u tal-Matematika dejjem jonqsu mill-iskejjel”

F’Marzu, l-Unjin ippreżentat lill-Ministeru sensiela ta’ 17-il proposta biex jibda jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għalliema u bil-għan li tiġi żblukkata s-sitwazzjoni. L-MUT qalet li l-Ministeru baqa’ jagħti aktar u aktar xogħol lill-għalliema ta’ dawn is-suġġetti. B’riżultat ta’ dan, l-għalliema tal-Malti u l-Matematika qegħdin jonqsu aktar u aktar mill-iskejjel. Barra minn dan, jidher li l-iskejjel qed jingħataw l-ordni mill-Ministeru biex jgħaqqdu gruppi ta’ studenti b’abbiltajiet differenti fl-istess klassi. L-MUT sejħet dan nuqqas ta’ servizz lill-istudenti, li ma jagħmilx ġid lill-edukazzjoni tagħhom.

L-Unjin temmet tgħid li ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn qed titnaqqas il-kwalità tas-servizz frott direzzjonijiet amministrattivi li ma jikkunsidrawx in-natura tal-iskejjel u l-ħtieġa ta’ attenzjoni aktar individwali. L-MUT semmiet ukoll il-bidliet kurrikulari li daħlu fis-seħħ matul din is-sena u li se jkomplu fis-snin li ġejjin, li skontha, jeħtieġu aktar riżorsi u mhux massimizzar tar-riżorsi eżistenti. Din is-sitwazzjoni, skont l-MUT, qed twassal biex għalliema ġodda ma jkunux imħajra mis-settur, u għalliema oħra dedikati jsibu xogħol ieħor li hu inqas stressanti.

“Il-Ministeru bagħat ittra b’theddida li jesponi l-każ”

Skont l-MUT, minflok ma nstabet soluzzjoni fiż-żmien stipulat, il-Ministeru fl-aħħar ġimgħa qabel l-eżamijiet qed jagħmel pressjoni fuq l-MUT u saħansitra bagħat ittra li tinkludi theddida li se jkun qiegħed jesponi l-każ quddiem il-pubbliku.

L-MUT insistiet li mhix se tiġi intimidata u se tibqa’ l-unika entità li taqbeż għall-edukaturi u għall-qasam edukattiv sabiex dak li nkiseb ma jintilifx minħabba deċiżjonijiet amministrattivi żbaljati li jqisu lill-edukaturi bħala numri billi jikkunsidraw biss il-kalkoli matematiċi f’settur fejn l-aspett uman huwa daqstant essenzjali. L-MUT qalet li qed tagħmel dan kollu biex tevita li niġu f’sitwazzjoni fejn l-istudenti mhux biss ma jkollhomx l-eżamijiet imma jispiċċaw mingħajr għalliema fil-klassi, mhux biss f’dawn is-suġġetti imma f’suġġetti oħra u fil-primarja.