L-MUT tiftaħ protest ġudizzjarju lill-UPE dwar id-direttivi tal-LSEs

L-Union tal-Għalliema (MUT) fetħet protest ġudizzjarju lill-UPE – Voice of the Workers wara li l-union tal-aħħar ħarġet direttivi lil-Learning Support Educators dwar suġġett li l-MUT bħalissa qed tagħmel laqgħat dwaru mal-Gvern.

Fil-protest ġudizzjarju l-MUT spjegat li hi ilha mwaqqfa għall-aħħar 100 sena. Qalet wkoll li hija l-union rikonoxxuta mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, kif ukoll mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni tal-Konferenza Episkopali Maltija u mill-entitajiet rispettivi inkarigati mill-iskejjel indipendenti. Ma’ dawn qalet li hija rikonoxxuta bħala l-unika union li tirrappreżenta linteressi tal-edukaturi f’kull livell. Qalet li dan ma japplikax għall-UPE.

Il- Union of Professional Educators (UPE) ordnat diversi azzjonijiet industrijali fosthom li l-LSEs ma jagħmlux laqgħat mal-ġenituri tat-tfal li jieħdu ħsieb kif ukoll li ma jagħmlux verżjonijiet eħfef tal-karti. Żiedet li jekk is-sitwazzjoni ma titranġax sa nhar it-Tnejn se jiżdiedu d-direttivi.

Aqra: Il-UPE tordna azzjonijiet industrijali għal-LSEs

Il-Union of Professional Educators fi stqarrija qalet li tinsab imħassba dwar l-aġir abbużiv mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Spjegat li l-learning support educators qed jagħmlu siegħa sahra kuljum mhux qed jitħallsu tagħha. Bħala LSEs qed jagħmlu superviżjoni tat-trasport siegħa u nofs filgħodu u siegħa u nofs wara l-iskola, madankollu qed jitħallsu ta’ sagħtejn biss. Il-UPE żiedet li dan ifisser li l-LSEs qed jitħallsu 20 siegħa overtime inqas kull paga.

Skont l-MUT, dawn id-direttivi ordnati mill-UPE qed joħolqu tensjoni u konfużjoni bla bżonn lill-edukaturi li huma indirizzati fid-direttivi tagħha. L-MUT spjegat li hi waslet għal ftehim mal-Gvern  dwar ħlas għas-superviżjoni waqt it-trasport tal-istudenti fl-interess aħħari tal-istess edukaturi. L-istess qed iseħħ fir-rigward tal-ħlasijiet dovuti lill-LSEs. Dan hekk kif nhar il-Ġimgħa li għaddiet inżammet laqgħa oħra mal-Gvern bl-iskop li jintlaħaq ftehim dwar l-istess edukaturi.

Għaldaqstant, fil-protest, l-Union sostniet li l-aġir tal-UPE kien wieħed irresponsabbli, abbużiv u vessatorju. Dan mhux biss għax l-union ma għandhiex dritt titkellem f’isem l-edukaturi mhux rappreżentati minnha mingħajr rikonoxximent, iżda wkoll għax “qed tipprova tirkeb fuq il-karru  tal-MUT biex tipprova turi li qed tirrappreżenta lill-professjonisti edukaturi meta m’għandha l-ebda dritt fil-liġi li tagħmel hekk.”