L-MUT tibqa’ dubjuża fuq l-Ombudsman tal-MCAST

L-MUT qed toġġezzjona għal dik li qed issejħilha d-“deċiżjoni mgħaġġla” tat-tmexxija tal-MCAST li twaqqaf uffiċċju tal-Ombudsman, bil-ħatra ta’ persuna bħala Ombudsman.

L-għaqda tal-għalliema qalet li din id-deċiżjoni tqajjem diversi mistoqsijiet, speċjalment dwar jekk l-istruttura li twaqqfet timxix mal-leġiżlazzjoni li tirregola l-MCAST u l-uffiċċju nazzjonali tal-Ombudsman, li fih diġà hemm Ombudsman għall-Edukazzjoni. F’xogħlu, dan diġà għandu l-mandat sabiex jinvestiga sitwazzjonijiet fil-postsekondarja, u anke fl-edukazzjoni terzjarja, li tinkludi l-MCAST.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li qiegħda tistaqsi kif dan l-Ombudsman tal-MCAST se jkollu l-indipendenza u l-awtonomija biex jinvestiga u jiddeċiedi dwar il-każijiet meta huwa wieħed minn dawk li diġà għandhom kariga għolja fl-MCAST, u hu impjegat fl-istess kulleġġ.

L-MUT wissiet lill-membri tagħha biex ma jikkoperawx mal-uffiċċju tal-Ombudsman tal-MCAST, li hi ma tqisux affidabbli.

Ilbieraħ, il-Kulleġġ MCAST qal li kien qed jistenna l-appoġġ tal-MUT f’din id-deċiżjoni.