L-MUT tgħid li qatt ma ordnat azzjonijiet industrijali fi Skola Sajf

Il-unjin tal-għalliema qed issostni li qatt ma ordnat azzjonijiet industrijali fil-każ ta’ Skola Sajf u lanqas irreġistrat tilwima industrijali.
Kien il-Ministeru għall-Edukazzjoni, fl-istqarrija fejn ħabbar il-posponiment tal-ftuħ ta’ Skola Sajf u Klabb 3-16, li indika li kien hemm il-possibilita li l-għalliema kienu se jistrajkjaw għax m’għandhomx biżżejjed riżorsi umani.
Fi stqarrija, l-MUT għaldaqstant qalet li għall-ġid tat-tfal u s-sigurtà tagħhom tat parir lill-membri tagħha biex f’dawk iċ-ċentri fejn m’hemmx biżżejjed nies jieħdu ħsieb lit-tfal jintbagħatu t-tfal lura d-dar biex ma jkunux fil-periklu ta’ xi inċidenti.
L-MUT qalet li kienet ilha dawn l-aħħar tliet ġimgħat tavża lill-Ministeru għall-Edukazzjoni bil-problemi fi Skola Sajf.
L-istqarrija ssostni li sal-bieraħ stess il-unjin kienet infurmata li fil-maġġoranza taċ-ċentri ma kellhomx biżżejjed ħaddiema biex jaħdmu.
L-MUT qalet li wara ittra li bagħtet fejn ipproponiet li Skola Sajf tiġi sospiża għal ftit jiem biex titranġa l-inizjattiva, il-Ministru stess wieġeb li kien se jikkunsidra l-proposta tal-unjin.
Fil-jiem li għaddew, l-MUT kienet qalet li Skola Sajf kienet se tibda qalb fjask sħiħ, il-unjin issa qed tistenna li fil-ġranet li ġejjin din is-sitwazzjoni titranġa għall-benefiċċju tat-tfal u l-għalliema.
L-MUT se tinforma wkoll lill-Ministru Evarist Bartolo bil-problemi kollha li taf bihom.
L-iSkola Sajf issa mistennija li jiftaħ għat-tfal nhar it-Tnejn 14 ta’ Lulju.