L-MUT tgħid li l-MATSEC mhix realistika

L-MUT qalet li l-MATSEC hija maqtugħa mir-realtà li qed jaffaċċjaw l-iskejjel sekondarji. Dan qalitu wara li rat is-sillabi riveduti tal-MATSEC bl-MUT tgħid li dawn huma bħas-sillabi l-antiki mingħajr ebda kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tal-pandemija.

Fi stqarrija lill-mezzi tax-xandir, l-MUT qalet li s-sillabi tal-MATSEC effettivament jiddeterminaw x’jiġri fl-iskejjel sekondarji. Spjegaw li l-miżuri ta’ mitigazzjoni mħabbra mill-awtoritajiet edukattivi għas-sena skolastika li ġejja ma jistgħux jiġu implimentati b’mod effettiv. L-istqarrija ttemm tgħid li l-MATSEC qed tgħix f’bubble tagħha nfisha.

Il-miżuri kienu ġew imħabbra mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-ġimgħa li għaddiet.

Aktar kmieni, il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li hija kontra t-tneħħija tal-obbligu tal-attendenza fl-iskola. Hija qalet li din se taffettwa ħażin lit-tfal u appellat biex l-istudenti vulnerabbli biss tingħatalhom il-konċessjoni li ma jmorrux l-iskola.