L-MUT terġa’ tappella lill-Gvern biex l-iskejjel ma jiftħux għalissa

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) għamlet appell ieħor lill-Gvern biex ma jiftaħx l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għalissa.

L-MUT ikkwotat sorsi mhux uffiċjali li qegħdin jgħidu li l-Gvern beħsiebu jiftaħ l-iskejjel nhar it-Tnejn li ġej, kif ippjanat, anke jekk jaf li jkollu jagħlaqhom wara ftit ġimgħat minħabba ż-żieda li mistennija jkun hemm fil-każijiet tal-coronavirus. “Dan biex imbagħad il-gvern ma jkollu xejn ħlief jgħid li pprova kif wiegħed imma s-sitwazzjoni hi dak li hi.”

Għalhekk, l-unjin qed tappella lill-Gvern mill-ġdid biex “ma jkunx il-kaġun tal-każijiet ġodda li żgur li se jkun hemm u jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi immedjatament.”

Sostniet li jekk dan ma jsirx, is-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż se tiggrava ferm, ċertament aktar minn kif kienet is-sitwazzjoni meta l-iskejjel ingħalqu f’Marzu li għadda.

Il-UPE għadha kemm ħabbret azzjoni industrijali kontra l-Ministeru tal-Edukazzjoni talli dan xorta beħsiebu jiftaħ l-iskejjel it-Tnejn li ġej.