L-MUT tappella għal fondi biex ikopru r-riżorsi tal-għalliema

Minn stħarriġ tal-unjin tal-għalliema (MUT) ħareġ li l-għalliema qed jonfqu madwar €220 fis-sena għal riżorsi biex iwettqu l-professjoni tagħhom.
Il-unjin qalet li f’xi ċirkostanzi l-ispejjeż telgħu anke għal €1,000 fis-sena.
Argumentat li waqt li hemm xi skejjel li jipprovdu oġġetti bażiċi, bħal karti, kartun u fotokopji, ħafna oħrajn ma jkopru ebda spiża.
Il-parti l-kbira tal-ispejjeż imorru għal stampar u fotokopji, kotba u riżorsi, reġistrazzjoni f’libreriji, dekorazzjonijiet biex isebbħu l-klassijiet, kompjuters u konnessjoni tal-internet, logħob edukattiv u rigali żgħar għall-istudenti fosthom stickers.
Il-unjin qed tissuġġerixxi li jkun hemm għotja fis-sena mill-fondi tal-iskola, li tista’ tkun fil-forma ta’ card, biex l-għalliema jkopru l-ispejjeż minn hemm.
Saħqet ukoll fuq il-ħtieġa ta’ fond separat biex ikunu jistgħu jixtru laptops ġodda u jsewwu l-kompjuters tagħhom.