L-MUT tappella biex ma jsirux festini tal-Halloween

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) appellat biex il-miżuri stretti li hemm fl-iskejjel jibqgħu jiġu segwiti fi tmiem din il-ġimgħa u fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, billi ma jsirux festini tal-Halloween.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li rċeviet xi informazzjoni li wħud qed jorganizzaw festini tal-Halloween.

L-unjin qalet li filwaqt li tifhem li fejn hu possibbli għandna nkomplu nfittxu n-normalità fl-attivitajiet li jsiru kemm għall-adulti, żgħażagħ u tfal, hija mħassba ferm dwar sitwazzjonijiet fejn gruppi ta’ tfal, żgħażagħ u adulti li ma jgħixux fl-istess djar ikunu qegħdin jiltaqgħu u jipparteċipaw f’dawn il-festini.

Saħqet li din hi sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata għaliex huwa ċar li r-riskji ta’ tixrid tal-virus waqt festini bħal dawn huma kbar u jistgħu jwasslu sabiex jintilfu l-isforzi kbar li qed isiru fl-iskejjel. Issoktat tgħid li, “Il-pandemija hemm bżonn li titrażżan u dan ma jistax isir mingħajr l-isforzi u r-responsabbiltà tas-soċjetà kollha f’kull ħin.”

Għalhekk, appellat ukoll lill-awtoriatajiet tas-saħħa sabiex jagħtu direzzjonijiet ċari dwar dan.