L-MUT tappella biex kulħadd joqgħod attent ħalli l-iskejjel jerġgħu jiftħu

Skola
Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) għamlet appell sabiex kulħadd joqgħod attent u jimxi mal-istruzzjonijiet fuq il-coronavirus billi t-tagħlim online ma jista’ qatt jieħu post it-tagħlim fl-iskejjel, u idealment, l-iskejjel jerġgħu jiftħu jekk is-sitwazzjoni tkun waħda sigura.

Fl-appell tagħha, l-MUT talbet biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kull deċiżjoni li tittieħed billi kull azzjoni jaf ikollha impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti, partikolarment fuq id-deċiżjoni kbira ta’ jekk jiftħux l-iskejjel minn Settembru li ġej. “It-traskuraġni, in-nuqqas ta’ ħsieb u t-trijonfaliżmi ta’ xi wħud jafu jħallu impatt enormi fuq it-tagħlim fl-iskejjel fix-xhur li ġejjin. Bħalissa żgur li m’hemmx posthom.”

L-unjin spjegat li “it-tagħlim online ma jista’ qatt jirreplika dak li jsir wiċċ imb wiċċ fil-klassi, kemm il-ħtieġa ta’ kuntatt uman, il-kuntest ta’ kollaborazzjoni u anki bħala qsim t’esperjenzi mal-komunità kollha tal-iskola. Iż-żieda fit-trażmissjoni tal-virus qed tinkwieta lil kulħadd, mhux anqas lill-edukaturi li huma konxji li l-ambjent tal-klassi jeħtieġ kuntatt kontinwu ma’ gruppi kbar ta’ studenti fi spazji ristretti. L-iskejjel ma jixbhu bl-ebda mod lil ambjenti oħra tax-xogħol u miżuri restrittivi li ħadmu f’postijiet bħal ħwienet, uffiċċji u postijiet oħra tax-xogħol ma jistgħux jiġu mħaddma b’suċċess fl-iskejjel.”

Żiedet tgħid li l-kuntest ta’ skola jixbah dak ta’ attività tal-massa, fejn ikun hemm spazju limitat, mijiet ta’ studenti u edukaturi li bilfors iridu jagħmlu kuntatt bejniethom.

Billi l-konsegwenzi jistgħu jkunu kbar, l-MUT appellat lil kull individwu biex jaħseb fuq id-deċiżjonijiet li jista’ jieħu li jpoġġuh f’riskju li jieħu jew ixerred il-virus.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-intenzjoni tal-Gvern hija li l-iskejjel jerġgħu jiftħu fit-28 ta’ Settembru. Minkejja dan, din il-ġimgħa, il-Ministeru ħareġ linji gwida għall-għalliema b’xenarji differenti, u wieħed minnhom hu li l-iskejjel ma jiftħux, jiġifieri dik il-possibbiltà għadha hemm, aktar u aktar issa li l-każijiet tal-coronavirus qegħdin jiżdiedu ġmielhom. Illum tħabbru 20 każ ġdid u issa t-total ta’ każijiet attivi f’Malta huwa 249.