L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika

Read in English.

L-Union tal-Għalliema Maltin (MUT) qed tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika, dan hekk kif l-Union allegat li l-Ministeru qed jipprova jakkwista l-karti tal-eżamijiet tal-iskejjel tal-Knisja.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-Ministeru qed jipprova jirreplika dak li ġara fl-eżamijiet ta’ nofs is-sena meta l-istudenti ngħataw karti tal-eżami li ma jinħadmux b’mistoqsijiet mhux fis-sillabu. L-MUT qalet li l-karti ġew ikkupjati mis-snin ta’ qabel u ma kienux tal-livelli tal-istudenti. B’mod immedjat, l-Union ħarġet direttiva lill-membri tagħha fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex sabiex ma jgħaddux karti tal-eżami lill-Kurja jew direttament lill-istess Ministeru.

Aqra: Il-Ministeru jitlob lill-MUT terġa’ tikkunsidra d-direttiva li ma jsirux l-eżamijiet

L-Union kompliet tgħid li ntbagħtet komunikazzjoni lill-iskejjel tal-Knisja mill-kurja u li akkwistat l-MUT stess, fejn jidher li l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jagħmel użu mill-Kurja sabiex ikun jista’ jakkwista l-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika sabiex jintużaw fl-iskejjel tal-Istat. L-MUT tenniet li minbarra li l-Gvern qed jipprova “jiskapriċċa” lill-MUT, dan huwa disservizz lejn l-istudenti. L-MUT tenniet li hemm differenza bejn l-edukazzjoni li jirċievu studenti fl-iskejjel tal-Istat u dawk tal-Knisja u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw l-istess karti tal-eżami.

Aqra: L-MUT tikkonferma li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika mhux se jsiru

L-Union insistiet li l-Gvern, minnflok qed jipprova jindirizza s-sitwazzjoni li ilha għaddejja minn Settembru tal-2018, qed jipprova juża l-għalliema tal-iskejjel tal-Knisja biex jindirizza l-falliment tiegħu, li tenniet ġie biss kawża ta’ tkaxkir tas-saqajn u nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha sabiex tinstab soluzzjoni. Għaldaqstnat, l-MUT ikkundannat dan l-aġir u ddikjarat tilwima industrijali.

Dan kollu ġie hekk kif ilbieraħ l-MUT ħabbret b’mod uffiċjali li l-eżamijiet ta’ tmiem is-sena tal-Malti u tal-Matematika tas-snin kollha fl-iskejjel sekondarji mhux se jsiru. Dan wara li ttieħed vot unanimu mill-membri affettwati u wara diskussjoni mal-Kunsill tal-MUT. Ir-raġuni li tat għal dan hija li l-għalliema taż-żewġ suġġetti ilhom fuq sena jitgħabbew b’wisq xogħol, u minkejja l-isforzi tal-MUT biex din it-tagħbija tittaffa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni “baqa’ jkaxkar saqajh” u baqa’ “jiggrava” s-sitwazzjoni minflok ma jtejjibha.

Aqra: “Ċans kbir li l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika ma jsirux” – Bonnici

X’qal il-Ministeru aktar kmieni?

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab lill-Union Maltija tal-Għalliema sabiex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni biex jiġu sospiżi d-direttivi tal-MUT li qed iwaqqfu l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika fl-iskejjel sekondarji kollha.

Dan qalu fi stqarrija fejn ġie spjegat li l-Union qed tagħti impressjoni skorretta li hemm il-maġġoranza tal-għalliema tas-sekondarja li għandhom il-piż massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Il-Ministeru tenna wkoll li mhux ġust li l-MUT ma semmietx li tnaqqset lezzjoni lill-għalliema kollha grazzi għall-ftehim settorjali.

Aqra: “Xbajna nistaqsu humiex se jsiru l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika” – omm

“Lesti li npoġġu u nitkellmu mal-Ministru Bartolo” – UPE

Il-UPE – Voice of the Workers, li hija wkoll Union li tirrappreżenta l-edukaturi sostniet li lesta li tpoġġi bilqiegħda mal-Ministru Bartolo biex jissolvew il-problemi li hemm bħalissa. Il-UPE qalet li tinsab inkwetata dwar is-sitwazzjoni u semmiet kif meta ippruvat tiddefendi lill-għalliema tal-Matematika u l-Malti f’Settembru li għadda, ir-reazzjoni tad-dipartiment kien li jdaħħal lill-Union il-Qorti. Konsegwentament, il-UPE qalet li kienet ingħatat ir-raġun mill-Qorti.