L-MUT ma taqbilx mal-emendi mressqa għall-universitajiet

Il-unjin tal-għalliema mhix taqbel mal-emendi mressqa fil-livell tal-edukazzjoni terzjarja kif imressqa fl-avviż legali 150 tal-2015.
L-MUT sostniet li fil-prinċipju taqbel li universitajiet barranin għandhom jaħdmu f’Malta iżda mhux b’detriment għas-settur edukattiv.
Tenfasizza li tinsab imħassba li l-emendi se jbiddlu d-definizzjoni ta’ Università b’tali mod li entitajiet akkreditati ma jkunux f’pożizzjoni li jiżguraw li qed joperaw universitajiet skont l-istandards stabbiliti.
L-MUT qalet li l-avviż legali qed tagħti iżjed importanza lejn l-aspett kummerċjali u ekonomiku b’detriment għall-istandards akkademiċi u edukattivi.
L-istqarrija tal-unjin tgħid li bl-emendi mressqa se jkun qed ifisser li Malta tiftaħ il-bibien għal entitajiet kummerċjali mingħajr funzjoni edukattiva biex joperaw bħala università.
Tgħid li dan jista’ jwassal sabiex Malta tħaddan definizzjoni ta’ università li tkun differenti minn dik stabbilita fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra u dan ipoġġi r-reputazzjoni akkademika tal-pajjiż f’riskju.
L-MUT hija mħassba wkoll li l-applikazzjonijiet għall-universitajiet se jiġu kkunsidrati skont l-interess nazzjonali.
Il-unjin tgħid li dan mhux aċċettabbli għaliex il-liċenzja biex joperaw se jibdew jingħataw ad hoc.

Reazzjoni Gvern
Fi tweġiba, il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li mhux veru li bl-avviż legali se jonqsu l-istandards edukattivi għaliex l-akkreditazzjoni u l-proċess għal-liċenzja m’għaddewx minn tibdil kbir.
Il-Ministeru qal li l-Gvern irregolarizza u saħħaħ l-istandards milfuqgħa s’issa.
Fi stqarrija jingħad li bir-regolamenti l-ġodda, l-istituzzjonijiet edukattivi li jridu jħaddmu università f’Malta u Għawdex irid ikollhom edukaturi kwalifikati u l-programmi edukattivi li joffru jridu jgħaddu minn proċess ta’ kwalità sabiex ikunu jistgħu joperaw.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li topera fl-interess nazzjonali bl-ebda mod ma teżonera lill-istituzzjoni edukattivi mill-obbligu li toffri korsijiet ta’ kwalità.