L-MUT u l-UĦM ma jaqblux li l-ħaddiema ma jitħallsux għall-ewwel jum sick leave

L-MUT u l-UĦM Voice of the Workers iddikjaraw li huma kontra l-proposta tal-Assoċjazzjoni għal min iħaddem (MEA) li ma jingħatax ħlas għall-ewwel jum tas-sick.
Fi stqarrija l-MUT qalet li din il-proposta tistona fl-isfond kemm li l-ekonomija sejra tajjeb kif ukoll li għadha kemm għaddiet l-elezzjoni ġenerali li fih ġie mwiegħed kollox lil kulħadd.
Saħqet li l-Gvern għandu jżomm kelmtu u jwettaq il-wegħdiet tiegħu fosthom li jagħti lura l-festi pubbliċi li jiġu fi tmiem il-ġimgħa.
Hija qalet li għandu jkun hemm aktar investiment fil-ħaddiema sabiex min iħaddem jgħinhom fil-problemi tagħhom b’mod partikolari fil-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Tenniet li din il-proposta tal-MEA se ġġib aktar tensjoni fuq il-ħaddiema.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM saħaq li l-union qatt mhi se taċċetta din il-proposta u lanqas xi tnaqqis fuq il-kundizzjonijiet tas-sick leave għax dan imurkontra d-drittijiet tal-ħaddiema. Temm jgħid li din il-proposta hija illegali.
Ilbieraħ, il-GWU wkoll ikkundannat din il-proposta u qalet li hija kontra din il-proposta għax fi kliemha se jitreġġa’ l-arloġġ lura għal meta l-ħaddiema kienu abbużati u sfruttati.