L-MUT llum b’laqgħa ta’ konċiljazzjoni; it-Tnejn mal-Ministru

Dalgħodu se tkun qed issir il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni bejn l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT u d-direttorat, liema laqgħa ġiet mitluba mill-Ministeru lbieraħ.

Kelliem għall-MUT qal ma’ Newsbook.com.mt li din il-laqgħa ma jfissirx li l-Unjin qed tmur lura minn kelmitha. Spjega li meta tintalab laqgħa ta’ konċiljazzjoni, skont il-liġi, l-Unjin ma tistax tirrifjutaha. Intant il-laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo se ssir nhar it-Tnejn li ġej.

Għal-laqgħa ta’ dalgħodu se jkun hemm preżenti medjatur min-naħa tat-trade unions u rappreżentant mid-direttorat. L-andament tal-laqgħa mbagħad jiġi żvelat waqt konferenza tal-aħbarijiet li se ssir fil-11am.

Fl-aħħar jiem, id-diżgwid bejn il-Ministeru u l-MUT kompla jikber hekk kif l-MUT ordnat strajk ta’ ġurnata lill-għalliema kollha nhar it-Tnejn li ġej. L-MUT sejħet sabiex l-edukaturi kollha fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u anke indipendenti, f’livell postsekondarju u terzjarju isegwu dan l-istrajk. Intant it-twemmin tal-Ministeru jibqa’ li l-istrajk qed jiġi bbażat fuq partijiet tal-Att li l-Unjin qed tifhem b’mod skorret. Fl-istqarrija mibgħuta lbieraħ mill-Ministeru ġie rrimarkat li mhux ġust li jkun hemm strajk minħabba nuqqas ta’ qbil u li l-Ministeru kien u għadu lest li jirranġa u jiċċara fejn hemm bżonn.